ASTRA TOURS 2009: MEDJUGORJE U PRAGA
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella għandha l-pjaċir tħabbar li ser torganizza żewġ tours għal dan is-sajf. Inħajrukom tingħaqdu magħna f’waħda minn dawn il-ġiti f’postijiet meraviljużi.
L-ewwel tour ser ikun bejn id-9 u s-16 t’Awwissu li ġej. Dan ser isir f’Medjugorje fil-Bosnia-Herzegovina (li kienet tagħmel parti mill-Yugoslavja) fejn hemm devozzjoni speċjali lejn il-Madonna li, sa mill-1981 jingħad li qed tidher, tkellem u tagħti l-messaġġ tagħha ta’ talb u penitenza għall-paci fil-qlub u fid-dinja. Medjugorje huwa raħal li jinsab ukoll fil-qalba ta’ xenarju sabiħ bil-muntanji fuq naħa u l-kosta n-naħa l-oħra.
F’dan it-tour ser ikollna ċ-ċans sabiħ li nesperjenzaw l-ispirtu tal-messaġġ li l-Madonna qed twasslilna u fl-istess ħin ikollna ċ-ċans li ngħaddu ġimgħa f’ambjent u xenarju mill-isbaħ. Il-vjaġġ bl-ajru ser isir dirett minn Malta għal Dubrovnic. It-tour ser ikun f’lukanda ta’ tliet stilel tourist superior fejn ser ikollna kmamar mgħammra tajjeb u bil-kamra tal-banju kull waħda. Ser ikollna wkoll saċerdot Għawdxi magħna għall-bzonnijiet spiritwali kif jitlob tour għal post bħal dan.
Ser norganizzaw ukoll tour ieħor, din id-darba għall-belt meraviljuża ta’ Praga fir-Repubblika Ċeka. Dan it-tour ser isir bejn it-3 u l-10 ta’ Settembru. Praga m’għandha bzonn ta’ ebda introduzzjoni għax hija destinazzjoni tant imsemmija u mfittxa minn min ikun irid jieħu vaganza ta’ mistrieħ fil-qalba tal-Ewropa. Ser ikollna ċ-ċans li nżuru bliet tant sbieħ u kampanja u muntanji li jimmeraviljawk u jsaħħruk.
Il-vjaġġ ser isir dirett minn Malta għal Praga u l-akkommodazzjoni ser issir f’lukanda ta’ erba’ stilel. Il-breakfast u l-ikel ser ikun kuljum buffet u wieħed jista’ jieħu kemm ikun irid.
L-ivjaġġar taż-żewġ tours ser isir f’coaches lussuzi mgħammra bl-arja kundizzjonata, u b’servizz ta’ toilet abbord. Ser ikollna s-servizz ta’ tour leader Malti u anke s-servizz ta’ gwidi tal-post li jitkellmu bl-Ingliż. (Fit-tour ta’ Medjugorje ser ikollna wkoll is-servizz ta’ saċerdot bħala gwida spiritwali matul it-tour kollu).
Min jixtieq jingħaqad magħna f’wieħed minn dawn iż-żewġ tours huwa mitlub jikkuntattja lil xi membru tal-kumitat jew lil Paul Zammit (viċi-president) fuq 99883007 jew permezz tal-email [email protected] għal iktar tagħrif. Bookings li jsiru sa l-aħħar ta’ Mejju ikunu mogħtija skont ta’ €50.00 għal kull persuna, għalhekk tajjeb li tgħaġlu tikkuntattjawna.
Dawn iż-żewġ tours qed isiru f’kollaborazzjoni ma’ Britannia Services Ltd. li hija kumpanija Maltija b’tant esperjenza fil-qasam ta’ l-ivjaġġar. Dan qed isir biex niżguraw u niggarantulkom li jkollna vaganza sabiħa mingħajr taħbil il-moħħ bl-għajnuna tal-esperti f’dan il-qasam.