Join Us On:

News Archive

ĦARSA LURA LEJN SENA OĦRA TA’ SUCCESSI

Tmiem is-sena jġagħlna nħarsu  lura lejn dak li ġara matul l-aħħar tnax -il xahar, u jekk nagħmlu dan fil-kuntest ta’ ħidmet is-Soċjetà Mużikali prinċipali ta’ gżiritna,  wieħed għandu għax jkun sodisfatt b’dak kollu li s-Soċjetà Filarmonika La Stella irnexxielha tagħmel bid-diversi sezzjonijiet tagħha u naturmalment bil-banda tagħha li hija l-qalba tas-Soċjetà.
 
Issa li dalwaqt ser inkunu qed nikkonsejaw lill-istorja s-sena l-2011, jixraq li nagħtu ħarsa lejn l-avvenimenti prinċipali u l-aktar sinfikattivi fil-ħajja tas-Soċjetà La Stella fl-aħħar sena.
 
Kważi ta’kull sena, l-attivitajiet prinċipali għall-Banda La Stella jibdew bis-sehem fil-festi importanti tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid. Fis-16 t’April fil-Bażilika ta’ San Ġorġ il-banda, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Prof. J. Vella tellgħet kunċert kbir ta’ mużika sagra, li fih esegwiet xogħolijiet importanti u siltiet mużikali fosthom is-sound track tal-film kolossali Ben Hur. Fl-istess ġurnata ġiet imbierka l-istatwa artistika fl-injam ta’ Kristu marbut mal-kolonna.   
 
Xi ġranet wara l-Banda tagħna akkumpanjat l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fejn daqqet marċi funebri. Ta’ min ifakkar li l-purċissjoni li toħroġ mill-Bażilika ta’San Ġorġ żammet il-forma tradizzjonali u penitenzjali tagħha u hija l-aktar waħda antika fil-gżira Għawdxija. Wara l-Ġimgħa l-Kbira kien imiss is-servizz tal-Għid fejn bħas-soltu il-Banda ħadet sehem fid-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt.
 
F’Marzu, it-Teatru Astra u l-Għaqda tal-Armar tal-Festa tellgħu b’suċċess il-musical “Għaliex Jien?”

Qabel dan il-musical, sewwasew fi Frar, din is-sena kellna wkoll kunċert mużikali: Soundtracks Alive: Music from the Movies, ġewwa t-Teatru Astra, taħt id-direzzjoni ta’ George Apap bil-parteċipazzjoni ta’ żeffiena minn Centre Stage Dance Academy.  Din l-attività kienet suċċess b’attendenza kbira fit-Teatru Astra.

 
Filwaqt li kien għaddej dan kollu l-banda irrekordjat ukoll il-Marċi tal-festa u sar programm kbir fi Pjazza Indipendenza f’Ġunju fuq stedina tal-kunsill lokali tal-Belt Victoria, biex jitfakkar Jum il-Belt Victoria. The La Stella Band in Concert sar taħt id-direzzjoni tas-Surmast Prof. Joseph Vella. F’dan il-programm il-bandaġewwa Pjazza Indipendenza ppakkjata bin-nies esegwiet siltiet mużikali meħuda minn numru ta’ films popolari.
 
Ftit wara tnieda l-proġett fit-Teatru Astra bil-fondi ta’ Eco Gozo, fejn saru diversi xogħolijiet fuq il-palk, rinnovament tal-faċilitajiet u fis-sistema tad-dawl tal-elettriku. It-Teatru laqa’ fi ħdanu bosta personalitajiet mix-xena politika bl-iskop li jsegwu dawn ix-xogħolijiet fosthom is-Segretarju Parlamentri l-Onor. Dr. Chris Said, il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono u l-Prim Ministru ta’ Malta, l-Onor. Dr. Lawrence Gonzi.
 
Il-qofol tal-impenji bħal kull sena, is-Soċjetà tagħna tilħaqhom fil-festa prinċipali t’Għawdex li sa minn snin ilu kienu jirreferu għaliha bħala l-festa “l-aktar popolari fil-Gżira”. Naturalment dan ifisser ukoll li s-Soċjetà tagħna għandha responsabbiltà kbira fuqha għax li torganizza festi bħalma jkollna f’San Ġorġ ma hix ħaġa faċli. Imma din hija responsabbiltà li aħna kull sena nħarsu ‘l quddiem biex nidħlu għaliha u b’hekk inkomplu nsaħħu dak li ġa huwa tajjeb. Ma hemmx għalfejn nidħlu ħafna fid-dettall tas-servizzi li jingħataw fil-ġimgħa tal-festa mill-Banda tagħna, fejn kważi kuljum matul il-ġimgħa kollha jkollna servizz marbut mal-festa u f’xi ġranet aktar minn servizz wieħed. L-espansjoni tal-festa ta’ llum jinkludu wkoll kumitati oħrajn li mingħajr ix-xogħol tagħhom ma jistax ikollna xogħol ta’dan il-livell. Hu doveruż li nagħmlu riferenza lejn l-Għaqda tal-Armar, l-Għaqda tan-Nar, is-sotto-kumitat li jieħu ħsieb it-tiġrijiet taż-żwiemel, is-sezzjoni li torganizza l-briju fil-marċijiet ul-bord editorjali tal-ktieb tal-festa. Kollox huwa marbut katina, imma huwa dan li jagħmel il-festa unika. Matul il-festa tal-2011, ONE TV xandar b’mod estensiv rappurtaġġ wiesgħa dwar il-festa ta’ San Ġorġ.
 
Is-servizz tal-Banda La Stella ma hux biss is-sehem tagħha fil-festa tal-Patrun tal-Belt Victoria u t’Għawdex San Ġorġ, imma huwa mifrux tista’ tgħid f’Għawdex kollu. Fil-festi t’Għawdex il-Banda kellha tal-anqas tmintax –il servizz li l-maġġoranza tagħhom ikunu fit-tliet xhur tas-sajf. Sehem distint iehor tal-Banda La Stella huwa s-sehem tagħha fil-festa Marjana tant għażiża tal-Immakulata Kunċizzjoni, iċċelebrata mill-Franġiskani Konventwali ta’ gżiritna.
 
Avveniment ieħor importanti li jkompli jiddiferenzja lis-Soċjetà La Stella minn soċjetajiet mużikali oħrajn f’pajjiżna huwa l-organizzazzjoni ta’ Festival Mediterranea, din is-sena fl-għaxar edizzjoni. Attrazzjoni prinċipali kienet l-opra Norma bis-sehem tas-sopran ta’fama internazzjonali Dimitra Theodossiou li saret darbtejn, nhar is-27 u 29 ta’ OttubruL-għaxar edizzjoni tal-festival għal darba oħra kienet suċċess, li ma kienx ikun possibli li kieku ma jkunx hemm ix-xogħol volontarju ta’ ħafna nies. Din is-sena it-team artitisku tal-opra introduċa għall-ewwel darba tal-anqas f’Għawdex projezzjonijiet diġitali li ħolqu effett 3D. Minbarra l-opra, Festival Mediterranea kien kullana twila ta’ attivitajiet kulturali marbuta ma’ mużika, arkeoloġija, storja u arti fost l-oħrjan.
 
Primat ieħor għas-Soċjetà tagħna li għandu jagħmilna kburin huwa dak li din is-sena l-opra tagħna ġiet irrekordjata minn kru televiżiv taljan tal-istazzjon Canale 5 għall-programm tagħhom dwar l-opra lirika “Loggione”. Dan huwa primat importanti mhux biss għalina imma għandu jagħmel kburi kull Għawdxi u Malti. Dan il-programm jista’ jigi segwit minn fuq is-sit: www.youtube.com/user/lastellaband.
 
Il-qofol tal-kalendarju mużikali tal-banda tagħna definittivament huwa l-Kunċert Sinfoniku Annwali tal-Banda La Stella li din is-sena sar fis-19 ta’ Novembru – kunċert li ġab fi tmieml-għaxar edizzjoni ta’ Festival Mediterranea. Id-direzzjoni mużikali kienet taħt is-Surmast Prof. Joseph Vella. L-attendenza kienet tajba ħafna u dan jagħmlilna kuraġġ biex inkomplu ninvestu fit-tagħlim tal-mużika u fit-tfal tagħna li huma l-futur tas-Soċjetà. 
 
Matul is-sena saru wkoll diversi kontribuzzjonijiet fil-qasam folkloristiku mill-grupp tal-Folk tagħna li saħansitra ħa sehem barra minn Malta.
 
Ċertament din il-ħarsa lura lejn l-2011 tikkonferma, jekk konferma qatt hemm bżonn, il-ħidma distinta, l-proġetti ambizzjuzi, s-suċċessi kbar u l-qalb kbira tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Dan ghandu jimla b’ kuraġġ kbir lil kull min għandu l-unur li jifforma parti minn u huwa parteċipi fil-ħajja ta’ din ir-realtà fil-qalba tal-Belt tal-Gżira Għawdxija.
 
Il-ħarsa lura lejn 2011 hi xprun biex fil-ġranet, xhur u s-snin li ġejjin is-Soċjetà La Stella tkompli tikber, tissaħħaħ u tirbaħ.
 
(Ritratti: Joe Attard, Mario Casha, Francesco Pio Attard)