Join Us On:

News Archive

ĦARSA LURA LEJN IS-SENA 2007

Għaddiet sena oħra, u xieraq li qabel nibdew sena ġdida li ġġib magħha sfidi ġodda, nagħtu ħarsa lejn dik li għaddiet. Is-sena 2007 kienet sena oħra mimlija impenji għall-banda “La Stella”; għat-Teatru Astra, kif ukoll għall-għaqdiet kollha fi ħdan is-Soċjetà “La Stella”. Il-banda “La Stella”, bla dubju l-aktar banda popolari ta’ gżiritna, kellha xejn inqas minn 35 servizz; fost dawn 8 servizzi marbuta mal-festa ta’ San Ġorġ Martri, 5 programmi mużikali, 11-il servizz fil-festi tas-Sajf (barra mill-belt Victoria) u għadd ta’ servizzi oħra f’okkażjonijiet varji. It-Teatru Astra nistgħu ngħidu li huwa l-aktar teatru ħaj fi gżiritna. Fil-fatt fis-sena 2007 ittellgħu ħmistax-il produzzjoni li jikludu: l-opra lirika; spettakli taż-żfin; spettaklu satiriku u drammi bl-Ingliż u bil-Malti. Tul din is-sena spikka wkoll l-unur li s-Soċjetà “La Stella” irċeviet mill-Kunsill Lokali ta’ beltna – dak ta’ “Ġieħ il-Belt Victoria”. Spikkat il-mawra fl-Italja tal-grupp folkloristiku Astra u l-parteċipazzjoni tiegħu f’festival internazzjonali tal-folklor f’Carpineto Romano. Din is-sena tibqa’ mfakkra wkoll għat-telfa ta’ Mons. Salv Borg; arċipriet emeritu tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ u Kappillan tal-banda tagħna, li tant u tant kien maħbub mhux biss minna l-Ġorġjani, imma wkoll minn bosta Maltin u Għawdxin ħbieb tiegħu. Dan kien jidher mill-aktar ċar nhar il-funeral tiegħu fejn massa enormi ta’ nies attendiet biex tagħti l-aħħar tislima lil dan is-saċerdot maħbub. Ma naqsitx il-parteċipazzjoni tal-banda “La Stella” li tagħha huwa kien kappillan.

F’din il-paġna hawn miġbur id-djarju tas-Soċjetà għas-sena 2007.

> 21 ta’ Jannar 2007
Saret l-Ikla tradizzjonali tas-Soċ. Filar. La Stella fid-Downtown Hotel, Victoria.

> 26 ta’ Jannar 2007
Pasta Night fiċ-Ċentru ta’ San Ġorġ għall-Banda u l-Kumitat tas-Soċjetà ġentilment mogħtija mill-Kappillan tal-Munxar, il-Kan. Tonio Galea, bħala turija ta’ radd il-ħajr għas-servizz li l-Banda La Stella tat f’Jum il-Pussess tiegħu.

> 22 u 23 ta’ Frar 2007
Saru erba’ rappreżentazzjonijiet tal-play “In Holland Stands A House” ta’ Sue Saunders fit-Teatru Astra għall-istudenti tal-iskejjel primarji u sekondarji. Il-play ġiet imtella’ mill-Gozo Creative Theatre Club taħt id-direzzjoni ta’ George Mizzi.

> 23 u 24 ta’ Frar 2007
Żewġ rappreżentazzjonijiet oħra tal-play “In Holland Stands A House” fit-Teatru Astra għall-pubbliku ġenerali.

> 10 ta’ Marzu 2007
Ġiet ippreżentata show divertenti fit-Teatru Astra bl-isem “Zoo Goes Music”.

> 11 ta’ Marzu 2007
Saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-Soċjetà.

> 25 ta’ Marzu 2007
Elezzjoni għall-Kumitat il-ġdid tas-Soċjetà.

> 31 ta’ Marzu 2007
Kunċert ta’ Mużika Sagra mill-Banda La Stella fil-Bażilika ta’ San Ġorġ taħt it-tmexxija tas-Surmast Direttur Joseph Vella fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa.

> 1 ta’ April 2007
Dr Joseph Grech konfermat fil-kariga ta’ President tas-Soċjetà.

> 5 ta’ April 2007
Il-Banda La Stella akkumpanjat il-purċissjoni devota tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-Bażilika ta’ San Ġorġ. F’din il-purċissjoni ħadet sehem ukoll il-Banda Santa Margerita ta’ Sannat.

> 8 ta’ April 2007
Dimostrazzjoni Reliġjuża bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt mill-Bażilika ta’ San Ġorġ mat-toroq ewlenin ta’ beltna, bis-sehem tal-Banda La Stella.

> 15 ta’ April 2007
Il-Banda La Stella ħadet sehem fil-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt li ssir fil-parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesu’ fil-Fontana.

> 23 ta’ April 2007
Festa Liturġika ta’ San Ġorġ Martri. Fi tmiem Pontifikal Solenni li tmexxa minn Mons. Isqof Nikol Cauchi fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Banda La Stella esegwiet Programm Mużikali fi Pjazza San Ġorġ taħt it-tmexxija ta’ Mro Joseph Vella. Fi tmiem il-Programm ġiet imbierka statwa ġdida ta’ San Ġorġ mill-Arċipriet Mons. Ġużeppi Farrugia, kummissjonata mis-sur John Borg, emigrant Għawdxi u r-rappreżentant tas-Soċjetà fil-Kanada, biex tittieħed il-Kanada. Wara sar marċ mill-pjazza sal-Każin tal-Banda fejn sar riċeviment tal-okkażjoni.

> 27 ta’ April 2007
Frenetic – Show għall-istudenti tal-iskejjel fit-Teatru Astra mtella’ mill-Body Art Dance Group immexxi minn Angie Bonello.

> 28 ta’ April 2007
Fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia tal-Bażilika ta’ San Ġorġ ġie preżentat Jazz Concert mil-La Stella Youth Ensemble. F’dan il-kunċert ħadu sehem Francis J. Borg, Jonathan Brignoli, Genise Formosa u James Grima, akkumpanjati fuq il-pjanu minn Maria Frendo.

> 28 ta’ April 2007
Rappreżentazzjoni oħra fit-Teatru Astra tax-Show “Frenetic”, din id-darba għall-pubbliku ġenerali.

> 6 ta’ Mejju 2007
Programm Mużikali mill-Banda La Stella fi Pjazza Indipendenza fl-okkażjoni tat-Tielet Anniversarju mid-Dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Direzzjoni Mużikali ta’ Mro Joseph Vella.

> 19 ta’ Mejju 2007
Fl-okkażjoni tan-Notte Gozitana (Lejlet Lapsi) li ġiet organizzata għall-ewwel darba fil-belt Victoria, saru ħames rappreżentazzjonijiet tax-Show “Lejl Imdawwal Bit-Torċ” fit-Teatru Astra mill-Grupp Teatrali Zoo.Ix-Shows saru fit-8.00 pm, 9.30 pm, 11.00 pm, 12.30 am, u 2.00 am. Din kienet l-ewwel darba li f’Għawdex saret maratona ta’ din ix-xorta għat-teatru.

> 27 ta’ Mejju 2007
L-ewwel servizz tal-Banda La Stella fl-istaġun il-ġdid tal-festi: fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Pawl fil-Munxar, il-banda daqqet marċ mat-toroq tar-raħal u wara esegwiet l-Innu tal-Qaddis, kompożizzjoni tas-Surmast Direttur Joseph Vella, mal-ħruġ tal-purċissjoni. Aktar tard il-banda esegwiet Programm Mużikali taħt id-direzzjoni tal-Assistent Surmast Mro Noel Beck.

> 2 ta’ Ġunju 2007
Show divertenti fit-Teatru Astra bl-isem “Zoo Goes TV” imtella’ minn Zoo Media & Entertainment.

> 3 ta’ Ġunju 2007
Il-faċċata tas-Soċ Fil. La Stella ġiet imdawla u mżejna bi kwadru sabiħ ta’ Dun Ġorġ Preca fl-okkażjoni tal-kanonizzazzjoni tiegħu bħala l-ewwel Qaddis ta’ dawn il-gżejjer. Iċ-ċeremonja tal-kanonizzazzjoni saret fi Pjazza San Pietru, fil-Vatikan u flimkien mal-Kor tal-Cappella Sistina tal-Vatikan ġie mistieden jieħu sehem ukoll il-Kor tal-Bażilika ta’ San Ġorġ “Laudate Pueri”.

> 9 ta’ Ġunju 2007
Is-Soċ. Filar. La Stella ġiet imżejna bl-Onorifiċenza “Ġieħ Il-Belt Victoria” għas-sehem tagħha fit-tkattir tal-kultura ta’ pajjiżna. Il-preżentazzjoni saret mis-Sindku tal-Kunsill Lokali, Robert Tabone, lill-President tas-Soċjetà, Dr Joseph Grech, waqt serata soċjali mtella’ fi Pjazza Indipendenza. Għall-okkażjoni l-Banda La Stella esegwiet Programm Mużikali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha, Joseph Vella.

> 10 ta’ Ġunju 2007
Sar ir-rekording tas-sett il-ġdid ta’ marċi brijużi għall-Festa ta’ San Ġorġ 2007.

> 10 ta’ Ġunju 2007
Il-banda ċittadina “La Stella” akkumpanjat il-purċissjoni tas-Salvatur ġewwa l-Għasri, bid-daqq ta’ innijiet reliġjużi.

> 16 ta’ Ġunju 2007
Imtella’ d-dramm “Meta Jintefa d-Dawl” fit-teatru Astra, produzzjoni tal-kumpanija teatrali “Curtain Call”, direzzjoni Ivan De Battista u Gilbert Formosa, kitba ta’ Lino Grech.

> 16 ta’ Ġunju 2007
Lejlet il-Festa tal-Qalb ta’ Ġesu’: Il-Banda La Stella għamlet marċ flimkien mal-Banda ‘Ite Ad Joseph’ tal-Qala fil-Fontana u wara esegwiet l-Innu tal-Qalb ta’ Ġesu’.

> 17 ta’ Ġunju 2007
Fontana – Jum il-Festa. Il-Banda La Stella sellmet l-istatwa artistika tal-Qalb ta’ Ġesu’ fuq iz-zuntier tal-knisja bid-daqq tal-Innu u wara akkumpanjat il-purċissjoni bid-daqq ta’ innijiet reliġjużi.

> 18 ta’ Ġunju 2007
Kunċert mil-La Stella Youth Ensemble, fl-Aula Mons. Giuseppe Farrugia, bħala parti mill-għaxar edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival.

> 21 ta’ Ġunju 2007
Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġwann Battista fix-Xewkija, il-Banda La Stella għamlet marċ kbir flimkien mal-Banda Prekursur fiċ-ċentru tar-raħal.

> 28 ta’ Ġunju 2007
Lejlet il-festa ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur: Il-Banda La Stella ngħaqdet mal-Banda Mnarja għal marċ tradizzjonali ta’ lejlet il-festa.

> 29 ta’ Ġunju 2007
Żjara ta’ delegazzjoni mil-lokalità ta’ Nichelino (Turin), fl-Italja li magħha l-Kunsill Lokali se jagħmel ġemellaġġ. Id-delegazzjoni ġiet imdawwra mall-Każin La Stella u t-Teatru Astra mill-President tas-Soċjetà, Dr. Joseph Grech u membri oħra tal-Kumitat.

> 9 – 15 ta’ Lulju 2007
Festi f’ġieħ San Ġorġ Martri, Patrun tad-Djoċesi u tal-belt Victoria. Il-banda ċittadina “La Stella” ħadet sehem fi tmien servizzi tul il-ġimgħa tal-festa.

> 17 – 22 ta’ Lulju 2007
Il-grupp folkloristiku Astra ħa sehem fl-ewwel Festival Internazzjonali bl-isem “Folclore dei Lepini” f’Carpineto Romano l-Italja, bħala grupp mill-Mediterran.

> 22 ta’ Lulju 2007
Il-banda “La Stella” għamlet marċ u programm mużikali fil-festa ta’ Santa Margerita f’Sannat.

> 4 t’Awwissu 2007
Il-banda “La Stella” għamlet marċ brijuż fil-Qala fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp.

> 11 t’Awwissu 2007
Il-banda “La Stella” ħadet sehem fil-marċ brijuż ta’ lejlet il-festa f’San Lawrenz.

> 12 t’Awwissu 2007
Il-banda “La Stella” laqgħet il-ħruġ ta’ l-istatwa titulari ta’ San Lawrenz bid-daqq ta’ l-innu “A San Lorenzo”. Il-banda għamlet ukoll marċ qabel ħruġ il-purċissjoni u esegwiet programm mużikali, fil-pjazza waqt il-purċissjoni.

> 13 t’Awwissu 2007
Il-bandisti u l-kumitat tas-Soċ. Filar. La Stella ġew mistiedna għal ikla, ġentilment offruta minn Mons Arċipriet Ġużeppi Farrugia, bħala ringrazzjament għas-servizzi li tat il-banda fil-festa ta’ San Ġorġ.

> 25 t’Awwissu 2007
Il-banda “La Stella” ħadet sehem fil-marċ popolari ta’ lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Loretu f’Għajnsielem.

> 27 ta’ Settembru 2007
Għall-ħabta tas-sagħtejn neqsin kwart ta’ wara nofsinhar tħabbret il-mewt ta’ l-arċipriet emeritu Mons. Salv Borg, fl-età ta’ 63 sena. Huwa miet fl-isptar San Luqa, imdawwar mill-familjari u ħbieb. F’dawn l-aħħar snin Mons. Borg kien ukoll kappillan tal-banda tagħna.

> 30 ta’ Settembru 2007
Sar il-funeral tal-wisq maħbub Mons. Salv Borg. Fil-funeral ħadet sehem il-banda “La Stella” li sellmet lill-kappillan tagħha bid-daqq ta’ marċi funebri. F’din l-okkażjoni ta’ niket l-banda żanżnet marċ ġdid kompożizzjoni ta’ Mro Joseph Vella, iddedikat lil Mons. Borg.

> 6 t’Ottubru 2007
Il-grupp folkloristiku Astra ħa sehem f’Notte Bianca ġewwa l-belt Valletta.

> 21 t’Ottubru 2007
L-arċipriet il-ġdid tal-bażilka ta’ San Ġorġ, Mons. Pawlu Cardona għamel l-ewwel żjara tiegħu fil-każin “La Stella” u fit-teatru Astra, fejn ġie milqugħ mill-membri tal-kumitat tas-Soċjetà, bandisti, kif ukoll numru ta’ partitarji u parruċċani.

> 25 t’Ottubru 2007
Ngħata bidu għas-sitt edizzjoni ta’ Festival Mediterranea bl-ewwel rappreżentazzjoni ta’ l-opra “Macbeth” ta’ Giuseppe Verdi.

> 27 t’Ottubru 2007
Saret rappreżentazzjoni oħra ta’ l-opra Verdjana “Macbeth” ġewwa t-Teatru Astra, bis-sehem ta’ solisti barranin u Maltin fosthom it-tenur Joseph Calleja; il-kor tat-teatru; u l-orkestra nazzjonali taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella.

> 28 t’Ottubru 2007
Il-komunità parrokkjali ta’ San Ġorġ tat ġieħ lil Mons. Ġużeppi Farrugia, f’quddiesa ta’ radd il-ħajr ġewwa l-bażilika. Il-banda “La Stella” għamlet marċ minn triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ fejn hemm sellmet lil Mons. Farrugia.

> 28 t’Ottubru 2007
Festival Mediterranea: Saret public lecture minn Dr David Trump fl-Aula Mgr G. Farrugia, bis-suġġett: “Early Societies: the archaeological evidence”.

> 29 t’Ottubru 2007
Festival Mediterranea: Site Visit fit-tempji tal-Ggantija u l-Gozo Stone Circle, immexxija minn Dr David Trump.

> 30 t’Ottubru 2007
Festival Mediterranea: Site Visit fil-“Gozitano” Co-op fix-Xewkija.

> 31 t’Ottubru 2007
Festival Mediterranea: Site Visit f’Ras il-Wardija u fid-Dwejra, immexxija minn Dr David Trump.

> 1 ta’ Novembru 2007
Festival Mediterranea: Site Visit fil-Hypogeum, Ħal-Tarxien, immexxija minn Dr David Trump.

> 2 ta’ Novembru 2007
Festival Mediterranea: Kunċert minn mużiċisti tal-banda “La Stella” ġewwa l-Aula Mgr Giuseppe Farrugia. Ħadu sehem George Camilleri fuq l-Euphonium u l-“La Stella Clarinet Quartet”: Noel Beck, George Apap, George Agius u Silvio Cini.

> 3 ta’ Novembru 2007
Festival Mediterranea: Kunċert ta’ mużika barokka ġewwa l-bażilika ta’ San Ġorġ.

> 4 ta’ Novembru 2007
Il-banda ċittadina sellmet lill-arċipriet il-ġdid tal-parroċċa Ġorġjana, Mons. Pawlu Cardona f’marċ brijuż minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ. Wara li ntemm il-marċ, bdiet iċ-ċeremonja solenni tal-pussess immexxija minn Mons. Isqof Mario Grech.

> 18 ta’ Novembru 2007
Fl-okkażjoni tal-pussess tal-kappillan il-ġdid tal-Fontana, il-Kan. Lino Vella, il-banda ċittadina “La Stella” ġiet mistiedna tagħmel marċ brijuż madwar it-toroq tar-raħal. Dan il-marċ ġie mħassar minħabba l-maltemp.

> 23 ta’ Novembru 2007
Saret quddiesa fil-bażilika ta’ San Ġorġ b’suffraġju għall-membri mejtin tas-Soċjetà Filarmonika “La Stella”.

> 1 ta’ Diċembru 2007
Ittellgħet ix-show bl-isem “The Journey” minn Alison White Dancers fit-Teatru Astra.

> 2 ta’ Diċembru 2007
Ittella’ spettaklu minn Zoo Media & Entertainment bl-isem ta’ “Misraħ Kola” fit-Teatru Astra.

> 2 ta’ Diċembru 2007
Il-banda ċittadina “La Stella” akkumpanjat il-purċissjoni ta’ Sant’Indrija fil-Fontana, bid-daqq ta’ marċi reliġjużi.

> 5 ta’ Diċembru 2007
Ġewwa t-Teatru Astra, itella’ l-“Christmas Concert” ta’ l-iskola tas-Sorijiet Franġiskani.

> 6 ta’ Diċembru 2007
Ġewwa t-Teatru Astra, ittella’ “Jum il-Premjazzjoni” ta’ l-iskola sekondarja “Agius de Soldanis” tal-belt Victoria.

> 7 ta’ Diċembru 2007
Il-banda ċittadina “La Stella” għamlet marċ brijuż madwar it-toroq tal-belt Victoria, lejlet il-festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni.

> 8 ta’ Diċembru 2007
Il-banda ċittadina “La Stella” kellha takkumpanja l-purċissjoni ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, fil-belt Victoria, iżda din ġiet imħassra minħabba l-maltemp.

> 12 ta’ Diċembru 2007
Ittella’ l-kunċert tal-milied mill-iskola primarja salesjana “Laura Vicuna”, ġewwa t-Teatru Astra.

> 14 ta’ Diċembru 2007
Ittella’ l-kunċert tal-milied mill-iskola tal-konservatorju ta’ l-Isqof tal-belt Victoria, ġewwa t-Teatru Astra.

> 15 ta’ Diċembru 2007
Il-banda ċittadina “La Stella” ippreżentat il-Kunċert Mużikali Annwali ġewwa t-Teatru Astra. Il-banda kienet taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur Mro Joseph Vella u esegwiet siltiet mużikali mill-pinna ta’ Verdi, Wagner, Dvorak, Dougthy, Badelt u Vella.

> 21 ta’ Diċembru 2007
Il-“Chorus Urbanus” tella’ kunċert tal-Milied ġewwa t-Teatru Astra.

> 22 ta’ Diċembru 2007
Il-banda ċittadina “La Stella” daqqet carols tal-milied u marċi festivi madwar it-toroq tal-belt Victoria fuq inizzjattiva tal-kunsill lokali ta’ beltna.

> 22 ta’ Diċembru 2007
Zoo Media & Entertainment ippreżentaw spettaklu ieħor mill-aqwa bl-isem “Zoo Goes Fairy Tales” ġewwa t-Teatru Astra.