Join Us On:

News Archive

ĦARSA LURA LEJN FESTIVAL MEDITERRANEA 2011

Meta wieħed iħares lura lejn il-Festival Mediterranea li ġie fi tmiemu l-ġimgħa l-oħra bil-programm annwali tal-banda ċittadina La Stella fit-Teatru Astra, għandu għax ikun sodisfatt li kollox mar sew u allura wieħed jagħmel aktar kuraġġ biex fil-futur jipprova jtejjeb dak li ġa huwa tajjeb ħafna.

Naturalment din ma hix ħaġa sempliċi għaliex kollox jiddependi minn ħafna fatturi. Is-sehem ta’ kulħadd huwa importanti u huwa bżonnjuż biex dan il-Festival ikompli jikber u jattira aktar nies.  Il-kummenti pożittivi li rċevejna minn dawk li għexu magħna dawn il-ġranet jgħinuna biex nippjanaw aħjar dak li ġej is-sena d-dieħla.  L-Opra Norma, li saret lejn tmiem Ottubru kienet sfida kbira, peress li hija opra kemmxejn diffiċli biex tiġi mtella’, però ninsabu sodisfatti li dawk liattendew iż-żewġ serati apprezzaw tista’ tgħid l-aspetti kollha tagħha.  Kienet opra li fiha ġiet introdotta għall-ewwel darba f’Għawdex teknoloġija tridimensjonali, taħti t-tmexxija artistika ta’ Enrico Stinchelli.  L-effetti tagħha mżewġa ma’ kostumi u xenarju tradizzjonali paxxew lil kull min attenda. F’The TImes l-opra ġiet deskritta bħala "A spectacular performance" minn xi ħadd li kien preżenti fit-Teatru għar-rapreżentazzjoni tas-Sibt.  Kien ta’ pjaċir ukoll għad-diriġenti li din is-sena, għall-ewwel darba wkoll, kru mill-istazzjoni televiżiv u popolari taljan Canale 5 kienu fosta jiffilmjaw l-opra għall-programm Loggione.

Imma l-festival ma huwiex opra biss għalkemm hija attività importanti ħafna.  Din is-sena kellna żewġ kunċerti fl-Aula Mons. Farrugia li kienu ta’ suċċess kbir udan intwera bl-attendenza numeruża li kien hemm fiż-żewġ serati.  Kienu wkoll ta’ suċċess iż-żjajar akkademiċi u kulturali li saru f’diversi dati.  Ħadna gost narawtaħlita ta’ barranin resident f’Għawdex, Maltin kif ukoll Għawdxin jipparteċipaw fihom.

Naturalment ma nistgħux nitkellmu fuq il-festival u naqbżu l-aħħar serata, dik tal-programm annwali.  Ankè hawn innotajna żieda fl-attendanza fuq is-snin ta’qabel. Prosit tassew lill-bandisti tagħna li b’impenn kontinwju jattendu għall-provi li jkun hemm bżonn u għas-servizzi matul is-sena li bħalma kulħadd jaf huma numerużi ħafna, kważi kull weekend fis-sajf u diversi oħra fix-xhur l-oħra.

Wieħed jrid jgħid prosit lill-kumitat organizzativ u d-diversi helpers tagħhom.  Dawn jinkludu nies li ħadu ħsieb mhux biss dawk l-affarijiet li jidhru bħal palk,mużika, kostumi, dwal, imma oħrajn ugwalment importanti li ma jidhrux fosthom dawk li ħadu ħsieb l-aspett finanzjarju tal-festival, ir-relazzjonijiet pubbliċi upromozzjoni tal-attivitajiet, reklamar, lil min ħa r-ritratti, booking office, webmaster tas-sit tal-festival u ħafna affarijiet amministrattivi oħra. Prosittassew u persważi li s-sena d-dieħla nerġgħu nagħmlu suċċess.  Ix-xogħol fuq Madame Butterfly ġa beda …

(Ritratti: Joe Attard, Francesco Pio Attard)