Join Us On:

News Archive

ĦARĠA GĦAL MALTA GĦALL-ALLIEVI

Nhar il-Ġimgha, l- 1 ta’ Mejju 2009 ġiet organizzata ħarġa għal Malta mill-Għaqda Bandisti Żgħażagħ La Stella, għall-allievi u bandisti żgħażagħ tal-banda tagħna. Għalkemm il-ġita kienet immirata primarjament għall-dawn iż-żgħazagħ tagħna, fil-grupp kien hemm ukoll familjari u membri tal-kumitat li għoġobhom jingħaqdu magħhom.
 
Il-grupp ħalla Għawdex mal-vapur tat-8.15am, u miċ-Ċirkewwa qabad triqtu lejn il-belt siekta tal-Imdina. Hawnhekk il-grupp dar dawra ma’ din il-belt mill-isbaħ u żaru xi postijiet ta’ interess. Minkejja li l-biċċa l-kbira tal-grupp kienu tfal, xorta waħda apprezzaw is-sbuħija ta’ din il-belt antika ta’ Malta. Minn hemm il-grupp telaq lejn il-belt Valletta, fejn hawn ukoll żar diversi postijiet ta’ interess fosthom il-barrakka ta’ fuq fejn hemm assistew għall-isparatura tal-kanun mat-tokki ta’ nofsinhar. 

Wara nofsinhar imbagħad il-grupp mar San Ġiljan, fejn wara li żar diversi stabbilmenti, inġabar għal-logħba divertenti bowling. Iż-żgħażagħ tagħna rritornaw lura Għawdex mal-vapur tal-5.15. Kienet esperjenza mill-isbaħ għat-tfal u ż-żgħażagħ – attivita’ li kompliet tgħinhom jintegraw aktar u aktar fis-Soċjeta’ tagħna. Hija xi ħaġa sabiħa li dawn it-tfal, wara l-istudju u l-prattika bl-istrumenti tagħhom, isibu ukoll mumenti fejn jistgħu jiddevertu u jieħdu gost flimkien. B’dan il-mod ma jarawx il-banda bħala impenn biss iżda jħossuhom parti minn din il-familja kbira, tal-iStilla.

ritratti: Ivan Galea