Join Us On:

News Archive

APPELL LILL-PARTITARJI TA’ L-ISTILLA

DSC_0013

Issa li dħalna fix-xahar ta’ April, il-festa ta’ San Ġorġ kull ma jmur qed narawha toqrob ġmielha.  L-organiżżazzjoni tal-festi esterni ta’ San Ġorġ hija mhux biss ġieħ għalina lkoll li niċċelebrawha imma wkoll responsabilita’ kbira li tirrikjedi (xi drabi anke b’sagrifiċċji personali) dedikazzjoni kbira u finanzjament qawwi.  Minbarra elementi oħra li ħafna drabi huma moħbijin għal għajnejna, l-organiżżazzjoni tal-festa ta’ San Ġorġ tinkludi t-tħejjija u s-sehem tal-banda ċittadina La Stella, l-istedin u l-finanzjament ta’ baned mistiedna minn lokalitajiet diversi ta’ Għawdex u Malta, opri artistiċi mill-ifjen li jżejjnu kull rokna ta’ beltna fil-jiem glorjużi ta’ Lulju, ħsejjes u lwien li jdawwlu s-sema sajfi ta’ gżiritna, l-organiżżazzjoni tal-aktar tiġrijiet tradizzjonali popolari u oriġinali f’pajjiżna, u nistgħu nibdew insemmu u ma nieqfux.  Bħalissa bdiet tilħaq il-qofol tagħha l-ħidma bi tħejjija għall-festa ta’ San Ġorġ fl-imħażen tal-każin, partikularment fuq proġetti kbar bħalma huwa dak tal-planċier il-ġdid tal-Banda La Stella li jintrama’ fi Pjazza San Ġorġ.

Kif ġie mħabbar f’appell li tqassam fid-djar tal-partitarji Ta’ l-Istilla mal-bulettin tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ nhar il-Ħadd li għadda, matul dan ix-xahar sat-23 ta’ April, membri tal-Kumitat u tal-kollaboraturi fi ħdan is-Soċjetà ser jiġu fi djarkom u ser jitolbukom sabiex tikkontribwixxu fil-finanzjament tal-festa.  Din il-ġabra finanzjarja hija addizzjonali, u allura mhix se tkun qed tieħu post dik il-ġabra l-kbira li s-soltu s-Soċjetà tagħmel fil-ġimgħat li jwasslu għall-festa patronali f’Lulju.  Madankollu, s-Soċjetà tħeġġeġ lill-partitarji kollha Ta’ l-Istilla sabiex iwieġbu għal din is-sejħa billi joffru l-kontribuzzjoni tagħhom li, ċkejkna kemm tkun ċkejkna, tkun apprezzata ħafna.  Kulħadd jagħti skond ma jista’.

Ikun ġest sabiħ u apprezzat ferm li kieku dawk kollha li għal xi raġuni jew oħra ma nsibuhomx id-dar ifittxu minn jeddhom lil xi membru tal-Kumitat u jgħaddulu d-donazzjoni tagħhom. Dan ikun ġest li jimla’ b’kuraġġ kbir lis-Soċjetà u li jirrifletti r-responsabilita’ tal-partitarji tagħha.

DSC_0036