AĠĠORNAMENTI MINN BILLINGHAM
Kif semmejna fil-jiem li għaddew fuq dan is-sit, l-Astra Folk Group jinsab l-Ingilterra, eżattament ġewwa Billingham fejn qed jipparteċipa u jirrapreżenta lil pajjiżna fl-44 edizzjoni tal-“Billingham International Folklore Festival”. LaStella.com.mt għamlet kuntatt ma’ xi membri tal-grupp, fejn qalulna li l-grupp tagħna ntlaqa’ tajjeb ħafna u din l-esperjenza f’Billingham ser tkun waħda indimentikabbli għall-membri kollha.
Il-grupp, immexxi mis-sur Anton Zammit, ħalla Malta nhar l-Erbgħa 23 ta’ Lulju. L-ewwel impenn kien tlitt ijiem wara fejn waqt sfilata grandjuża minn Low Grange għal Town Centre ġew preżentati l-gruppi kollha li ser jipparteċipaw f’dan il-festival internazzjonali li huma: Gruppo Folclorico “Colombia Viva” (Kolombja); Sorbian Folk Dance Group Schmerlitz (Ġermanja); Gruppo dei Sbandieratori dei Rioni di Cori (Italja); Dhol Blasters & Bangra Blaster (India); Taiko Dojo Drummers (Ġappun); MAsenidaya Malaysian Airlines Club (Malasja); Ballet Exotic Le Robert (Martinique); “Doina Timisului” (Romania); Kruzheva (Russja); Trinity College Dancers & Drummers (Sri Lanka) u fuq kollox il-grupp tagħna li qed jirrappreżenta lil Malta.
Il-grupp ta spettaklu wkoll nhar il-Ħadd li għadda ġewwa l-Billingham Festival Arena f’concert bl-isem “Dance of Light”. It-Tnejn 28 ta’ Lulju, imbagħad il-grupp folkloristiku Astra kellu żewġ impenji oħra l-ewwel f’International Concert ġewwa l-Billingham Festival Arena u aktar tard fil-Forum Theatre ġewwa l-istess belt. L-impenji li jmiss ikunu nhar il-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej, fejn dakinhar jintemm dan il-festival internazzjonali tal-folklor biċ-ċeremonja ta’ l-għeluq li ssir ġewwa l-Billingham Festival Arena. Ir-ritratti li għandna ġew meħuda mis-sur Joseph Zammit, nhar it-Tnejn li għadda waqt l-ispettaklu li taw l-Astra Folk Group fil-Forum Theatre.
Aktar aġġornamenti fil-jiem li ġejjin.
30/07/2008