Join Us On:

News Archive

ANNIVERSARJI U KOTBA

L-anniversarju storiku tas-Separazzjoni bejn il-parroċċa ta’ San Ġorġ u l-arċipresbiterat tal-Katidral ta’ l-Assunta jiġi, bħal kull sena, fin-nofs bejn iż-żewġ festi prinċipali tal-gżira: San Ġorġ u Santa Marija. L-1 ta’ Awwissu reġa’ tfaċċa biex ifakkarna fi ġrajja li la nistgħu u lanqas irridu ninsew, għax ġabet fi tmiemha epoka ta’ taqlib u inġustizzja li kienet tissejjaħ “l-Unjoni”.
 
Unjoni korrotta
B’deċiżjoni korrotta meħuda fl-1688, l-eqdem parroċċa tal-gżira u l-omm storika tal-parroċċi kollha ta’ Għawdex, jiġifieri l-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ, ġiet suġġetta għal għaqda ġuridika mal-Matriċi tal-Kastell, biex il-ġid tagħha jagħmel tajjeb għat-telf tal-parroċċi l-ġodda tal-kampanja li kienu għadhom kemm twaqqfu. Il-kleru ta’ din il-parroċċa, kotran fin-numru u wisq aktar kotran fil-ġenerożità mal-Knisja Għawdxija, spiss safa msikket u umiljat minħabba f’din l-Unjoni, li minnha l-kbir baqa’ jgawdi u ż-żgħir issokta jiġi mgħakkes.
 
Anki f’dawn is-snin imdallma l-parroċċa ta’ San Ġorġ, donnha ppredestinata biex terfa’ l-madmad spalla ma’ spalla mal-poplu fqir imma għatxan għas-sewwa, ma qatgħetx toffri s-servizzi pastorali tagħha mill-qalba tal-gżira, fejn dan il-maqdes jinsab wieqaf fuq l-eqdem ħaġar tal-belt il-qadima ta’ Għawdex. San Ġorġ, it-titular antik tagħha, lanqas qatt ma warrab ħarstu minn fuq uliedu l-Għawdxin, li għandu resqu f’kull waqt ta’ ħtieġa biex jiksbu l-faraġ tagħhom. Kważi sa l-aħħar il-komunità li ġġib ismu baqgħet iġġor l-ilġiem tqil tal-jasar u l-umiljazzjoni: lejn tmiem is-seklu dsatax, meta sa l-Isqof ta’ Għawdex kien qabel li din il-knisja tingħatalha kolleġġjata tagħha, l-ipprotestar inġust tal-Kapitlu tal-Katidral faga widnejn Ruma u ħassar għal darb’oħra ħolma sabiħa tal-Ġorġjani, imkabbra b’tempju li kien tagħhom, mibni b’għaraq ġbin u flus missirijiethom. Hekk reġa’ ġara wkoll fis-sentenza inġusta mogħtija mis-Sacra Romana Rota fl-1910, għax anki Ruma ġiet imxaħħma! Min jaf x’kien jiġri kieku l-parroċċa ta’ San Ġorġ f’dawk iż-żminijiet ma kinitx ikkalpestata bil-piż aħrax ta’ l-Unjoni…
 
Separazzjoni ġusta
Sakemm żernaq il-jum tal-ħelsien li ta’ qabilna tant stennew b’ħerqa. Iben il-parroċċa Ġorġjana, l-E.T. Mons. Ġużeppi Pace, isqof ta’ Għawdex, imwieżen minn ulied oħra denji ta’ isimhom Ġorġjan, reġġa’ lura l-iżball ta’ predeċessur tiegħu, u ħassar id-digriet ta’ l-Unjoni li kien saħansitra ġie approvat mis-Santa Sede 267 sena qabel, b’Att tas-Separazzjoni ffirmat fil-Kurja Veskovili ta’ Għawdex, nhar l-1 ta’ Awwissu 1955. Id-digriet tiegħu Cum hodiernis temporibus qajjem riefnu ta’ protesti, imma radd lura fuq il-karta wkoll il-ġieħ li l-parroċċa-omm tal-gżira kienet timmerita b’kull dritt u loġika umana. Il-lum, ħamsa u ħamsin sena wara, m’għandniex Rabat bla firdiet, għax il-qasma hi frott awtomatiku tad-differenzi naturali; imma għandna Rabat bil-parroċċa ħajja tiegħu ta’ San Ġorġ, li tgawdi d-drittijiet kollha tagħha, bla ħadd ma jirfsilha ġieħha.
 
Ġustizzja bil-kitba
Il-lum trid issir ukoll ġustizzja ma’ l-istorja tal-parroċċa ta’ San Ġorġ. U għalhekk tissokta r-riċerka minn studjużi ta’ żminijietna li tixħet dawl dejjem ġdid fuq din l-istorja, li spiss jissorprendina għax ikompli jikkonferma l-qedem u l-primat ta’ din “il-parroċċa tal-belt u tal-gżira”. U din id-darba ħadd ma jista’ jagħlqilha ħalqha.
 
L-aħħar fost dawn il-kontribuzzjonijiet utli waslitilna permezz tal-ktieb, imniedi dan l-aħħar, li jġib l-isem The earliest Church register in Gozo. 1554-1628, frott ir-riċerka tal-Prof. Horatio Caeser Roger Vella, professur ta’ l-Istudji Klassiċi fl-Università ta’ Malta. Maqlub għall-Malti, l-isem tal-ktieb hu “L-eqdem reġistru tal-Knisja f’Għawdex”, għax ir-reġistru li jittratta fil-fatt hu l-eqdem reġistru parrokkjali li għandna fil-gżira tagħna, u allura l-ewwel wieħed tal-Knisja f’Għawdex. Is-serata tat-tnedija tal-ktieb, organizzata minn Wirt Għawdex, ittellgħet f’waħda mis-swali tal-Ministeru għal Għawdex, nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Lulju 2010.
 
Il-Professur Vella interessa ruħu fir-riċerka ta’ l-istorja ekkleżjastika Għawdxija, u qatta’ bosta snin jaħdem fuq it-traskrizzjoni u analiżi dettaljata tal-manuskritt oriġinali ta’ l-eqdem reġistru parrokkjali li għandna f’Għawdex, il-lum miżmum fl-Arkivji tal-Kurja Veskovili. Bit-tħeġġiġ u l-għajnuna ta’ Mons. Dr Joseph Bezzina, il-kap ta’ l-istess arkivji, il-Prof. Vella wasal biex tana studju utli ħafna ta’ dan ir-reġistru, b’riproduzzjoni f’ordni alfabetiku ta’ l-ismijiet kollha li jinsabu fih u b’tagħrif validu fuqhom miżjud mir-riċerka personali tiegħu. Hu ċar li x-xogħol hu r-riżultat ta’ ħidma twila li lill-awtur swietlu ħafna għaraq, speċjalment meta wieħed jara l-istat tar-reġistru u n-nuqqas ta’ kontinwità li spiss hemm fih.
 
“Parroċċa omm”
Kif kiteb l-awtur fid-daħla tiegħu għall-ktieb, dan il-manuskritt jiġbor fih tagħrif mitqlu deheb fuq is-snin bikrin ta’ dawk li huwa sejħilhom “two important mother parish churches”. Tabilħaqq, dokumentazzjoni ekkleżjastika ta’ Għawdex ta’ qabel is-seklu sittax hi skarsa u spiss mitlufa, jekk mhux ukoll meqruda! Ir-reġistru jkopri l-perjodu bejn l-1554 u l-1628, u mhux biss hu l-ewwel wieħed li nafu bih f’Għawdex, imma minn ta’ l-ewwel f’Malta wkoll. Il-listi ta’ Magħmudijiet, Konfirmazzjonijiet, Żwiġijiet u Mwiet li nsibu fih – maqsumin bejn dawk li saru fil-Matriċi tal-Kastell u dawk li saru fil-knisja ta’ San Ġorġ, dak iż-żmien it-tnejn parroċċi – huma interessanti għax jirriflettu r-realtà soċjali fil-gżira sa minn ftit tas-snin biss wara li kważi l-popolazzjoni kollha tagħha nġarret lejn Tripli wara l-attakk Tork ta’ l-1551.  Hu evidenti li dak li minn barra jidher bħallikieku kien reġistru wieħed, hu fil-fatt żewġ reġistri separati li, aktarx mat-twettiq ta’ l-Unjoni f’tarf is-seklu sbatax, ġew amalgamati ma’ xulxin bla ebda skema partikulari.
 
Fil-fatt sal-mewt ta’ Mons. Mikiel Cefai, dan ir-reġistru prezzjuż kien jinżamm fid-dar ta’ l-Arċipriet tar-Rabat, li naturalment kellu l-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ bħala l-bażi amministrattiva tiegħu. Hekk kien il-każ ta’ Mons. Cefai, ta’ Mons. Alfons Maria Hili qablu, u tal-kotra l-kbira tal-predeċessuri tagħhom. Wara l-mewt ta’ l-aħħar Arċipriet tar-Rabat, ir-reġistru sab ruħu fil-Kurja ta’ l-Isqof ta’ Għawdex, għalkemm bil-kontenut li fih iktar jagħmel sens li kopja tiegħu tinżamm fiż-żewġ parroċċi tar-Rabat.
 
L-ewwel reġistru
Dan ir-reġistru jista’ jitqies l-ewwel wieħed mill-volumi li l-lum wieħed isib fl-arkivji parrokkjali tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, u li huma ta’ valur storiku imprezzabbli, għax huma l-eqdem kollezzjoni ta’ reġistri parrokkjali f’Għawdex. Biss biss, Volum II, li jaqbad minn fejn iħalli r-reġistru li fuqu għamel l-istudju l-Prof. Vella, iġib fuqu d-data ta’ l-1625! Ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet, mir-Rabat u minn Għawdex kollu, tul il-perjodu kollu ta’ l-Unjoni (1688-1955) u wara (1955- ), insibuha mniżżla b’abbundanza sorprendenti fir-reġistri tal-parroċċa ta’ San Ġorġ, kważi b’mod m’hux interrott, sa żmienna. Dan il-fatt ukoll jitkellem waħdu fuq fejn kienet ikkonċentrata ħafna mill-attività pastorali u sagramentali f’dawk iż-żminijiet imwiegħra. Biex tifhem dan ma tridx wisq għerf u lanqas provi ta’ fejn kien il-fonti tal-Magħmudija! Dawn ir-reġistri, li kif għidna jaslu sa l-epoka tagħna, huma spiss ikkonsultati minn bosta riċerkaturi ta’ l-istorja reliġjuża u soċjali ta’ pajjiżna, u nittamaw li narawhom ikkonservati aħjar milli huma, bl-għajnuna wkoll ta’ fondi pubbliċi. Wara kollox huma fost l-aktar dokumenti prezzjużi ta’ l-istorja ta’ niesna!
 
Ħajr u apprezzament
Il-kontribuzzjoni tal-Professur Horatio C.R. Vella hi għajnuna oħra lill-qarrej ġenwin ta’ l-istorja tal-parroċċa ta’ San Ġorġ, bħal djamant ileqq fil-qalba tal-ġrajjiet tal-Knisja ta’ Għawdex. Il-Ġorġjani kollha għandhom jifirħu biha u jfittxu li jakkwistawha, waqt li b’sens ta’ gratitudni jirringrazzjaw lill-Professur Vella li – minkejja r-riskju prevedibbli tal-kritika sfaċċata, pretenzjuża u spiss imprudenti – ma beżax jirfes fil-kamp ta’ l-istorja parrokkjali tar-Rabat.
 
L-awtur fl-ewwel paġni [ii] ma naqasx li fost l-oħrajn irodd ħajr b’isimhom lil xi membri ta’ l-Uffiċċju Parrokkjali ta’ San Ġorġ (Victoria, Għawdex) li għenuh jakkwista għall-qoxra tal-ktieb kopja ta’ l-impressjoni artistika tar-Rabat ta’ Għawdex, kif tidher f’Kabrew tal-Maġisteru ta’ l-Ordni tas-seklu tmintax, il-lum miżmum fil-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta. Riproduzzjoni ta’ din l-impressjoni famuża kienet diġà dehret fuq quddiem ta’ l-istudju ta’ Pawlu Mizzi, Il-Parroċċa ta’ Għawdex. Studju soċjo-kulturali ta’ epoka (Malta, 1997).
 
The earliest Church register in Gozo hu ktieb li jeħodna lura lejn perjodu iktar kmieni minn dak meta daħlet fis-seħħ l-Unjoni Parrokkjali fir-Rabat. Bħal f’dak iż-żmien, anki l-lum, ir-reġistri parrokkjali tagħna jixhdu għal kemm tassew San Ġorġ hu “il-parroċċa tal-belt u tal-gżira”.