Join Us On:

News Archive

AMEDEO MINGHI FIT-TEATRU ASTRA

Wara s-suċċess li nkiseb fil-produzzjoni tal-opra Turandot, għada jmiss avveniment ieħor ferm kbir bħala parti mis-seba’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea – il-kunċert tal-kantant popolari Taljan Amedeo Minghi. Dan il-kantant ser ikun qed iżur għall-ewwel darba l-gżira Għawdxija u ser itella’ kunċert uniku fl-istil tiegħu ġewwa t-teatru Astra. Żgur li Minghi mhux ser ikun l-ewwel kantant Taljan li ser jagħti kunċert fit-Teatru Astra. Fil-fatt it-Teatru Astra laqa’ fih kantanti ta’ fama kbira mondjali matul is-snin fosthom Raffaella Carra’, Albano u Romina Power, Goggi Sisters, Bobby Solo u NEK fost l-oħrajn. Il-kunċert t’għada ser ikun wieħed minn sensiela għall-kantant Taljan f’tour li qed jagħmel madwar diversi pajjizi fl-Ewropa u barra mill-Ewropa. 

Flimkien ma’ Minghi għada ser ikollna fostna wkoll lill-kantanti lokali ferm popolari Paul Giodmaina u l-kantanta Għawdxija Pamela bħala mistiedna specjali. Barra l-parteċipazzjoni ta’ dawn il-kantanti f’dan il-kunċert grandjuż, ser jieħu sehem ukoll il-kor tal-bażilika ta’ San Ġorġ Martri: Laudate Pueri (direttur: Fr George J. Frendo, leader: Maria Frendo) li flimkien ma’ Minghi ser ikanta l-kanzunetta meraviljuża li kisbet tant popolarita’ "Un uomo venuto da lontano" – kanzunetta li nkitbet mill-kantant stess b’dedika lill-Papa Ġwanni Pawlu II.

Il-kantant Amedeo Minghi sar popolari ħafna f’Malta meta ħareġ waħda mill-aktar siltiet li ħabitlu suċċess matul il-karriera mużikali tiegħu, is-silta “l’Immenso” lura fis-sena 1976. Il-popolarita’ tiegħu kibret meta ħarġu mill-pinna tiegħu siltiet bħal “1950”, St. Michel”, “Quando l’estate verra’”, “Sognami”, “Emanuela e io”, “Cuore di pace” u “Ladri di Sole”

Id-debutt bil -”Forse si’ Musicale” kien bidu ta’ kullana twila ta’ suċċessi fil-qasam tal-kompożizzjoni. Il-kritika li kiseb kienet pożittiva immens u t-tifħir għal din il-biċċa xogħol dar ma’ l-Italja kollha f’ħakka t’għajn.

Fix-xhur ta’ wara raw lill-kantant Amadeo Minghi jibda tour li damet għaddejja għal aktar minn tliet snin u matul dan it-tour raw l-spettaklu aktar minn miljun spettatur.

Matul it-tour ġew esegwiti numru kbir ta’ hits li biegħu mijiet ta’ eluf ta’ diski li huma dawn “"La vita mia", "Canzoni", u "Vattene amore" (komposta u prodotta minn Amedeo u Mietta), "Nenè".

Punt ieħor li wieħed ta’ min isemmi dwar dan it-tour huwa in-numru indimentikabbli ta’ wirjiet, bħal kunċert f’ Santa Maria in Trastevere (l-attendenza għalih kienet ta’ aktar minn 40,000 spettatur), il-kunċerti fit- “Teatro Sistina” u l-kunċert “I Ricordi del Cuore” fl-“Stadio Olimpico” li għall-ewwel darba fetaħ il-bibien tiegħu għal mużika Pop.

Fil-kunċert li sar fl- “Stadio Olimpico” Amadeo Minghi, kien akkumpanjat minn orkestra ta’ 40 element flimkien ma’ kor polifoniku u għalih attendiet udjenza ta’ aktar minn 25,000 ruħ. Il-video li inġibed matul il-kunċert kellu inkass tajjeb ħafna.

B’riżultat ta’ dan is-suċċess u b’talba ġenerali, Amadeo Minghi reġa’ irrekordja is-siltiet tal-passat u s-siltiet il-ġodda f’żewġ albums live: "La vita mia" u "Amedeo Minghi in concerto" u album li kien jiġbor fih is-suċċessi kollha bl-isem ta’ "Nenè".

Barra li stabbilixxa ruħu bħalha solists u kompożitur, Minghi għaddha biex jesplora kamp ieħor fil-qasam mużikali, dak tal-kitba u produzzjoni ta’ sound tracks għat- telviżjoni, li kien jinkludi 8 TV fictions u l-ewwel screen play b’ħafna episodji miktuba għat-telviżjoni bl-isem ta’ Edera prodotta mill-Kumpanija Fininvest.

Ta’ importanza kbira kienu il-ħames serje ta’ "Fantaghirò" li ġew trasmessi f’78 Fantaghirò ispirat lill-Minghi biex jikteb waħda mis-siltiet kapolavur tiegħu u waħda mis-siltiet tal-kantant l-aktar apprezzati "Fantaghirò & Fantaghirò", li hija taħlita ta’ ballet, proża, mużika u poeżija. Ta’ min jgħid li dan l-ispettaklu dar madwar l-Italja kollha.

Intant għall-kunċert t’għada l-biljetti kważi nbiegħu kollha. Fadal numru żgħir ħafna ta’ biljetti (kif tistgħu taraw fuq is-sit www.maltaticket.com) li jistgħu jinkisbu għall-prezz ta’ €35 u €40 mill-booking office tat-Teatru jew inkella online minn fuq il-website www.maltaticket.com