Join Us On:

News Archive

ĦALLIENA L-BANDIST ĠORĠ “TA’ KATERINA”

Illum it-Tnejn, 9 ta’ Novembru 2009, waslet l-aħbar mill-Kanada li Ġorġ Grech, bandist mill-iprem tal-Banda Ċittadina La Stella, ħalliena. Miet fi sptar, f’Toronto, fejn għex għal dawn l-aħħar 35 sena. Kmieni fil-għodu kienet daqqet l-agunija mill-bażilika ta’ San Ġorġ u, ftit wara, is-sinjal bit-tlett tokki tat-Tann għarrafna li Ġorġinu, kif kienu jsibuh niesu, kien fil-fatt miet.
 
Ħafna kienu jafuh bħala “Ġorġ ta’ Katarina”. Dan għaliex kien trabba man-nanna tiegħu, Katerina “ta’ Gaxtura”, fit-triq ta’ San Ġorġ tal-Ħaġar. Ommu kienet mietet ftit wara li wilditu, u t-tifel, iltim, trabba fid-dar tan-nanniet, imħares u mfissed miż-żewġ xebbiet, aħwa ta’ missieru, Marija, li mbagħad kienet iżżewġet u hi omm l-arċipriet emeritu Ġużeppi Farrugia, u Tereża li għadha mimlija bil-għomor. 
 
Ġorġinu ma setgħax ma jkunx Ġorġjan. Djaru kienu d-dar tan-nanntu, il-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ u l-każin tal-Banda La Stella. Ra jseħħu fi tfulitu u żogħżitu l-isbaħ ġrajjiet ta’ San Ġorġ, il-knisja li fiha tgħammed, u l-isbaħ ġrajjiet tal-Banda La Stella li fiha tgħallem jaqra l-mużika, magħha ngħaqad bħala bandist u sar wieħed mill-aqwa pistonini li qatt kellha. Lill-Banda qatt ma naqasha u dejjem onoraha. Kien bandist imħeġġeġ u li jħeġġeġ fi żmien is-surmastrijiet Ġanni Vella, Edgar Lowell u Joseph Vella, is-surmast direttur attwali, li lil Ġorġinu kien iħobbu u mbuttah biex jeċċella bħala solist fuq il-pjanċier u fit-televiżjoni.
 
Ġorġ Grech kien bandist tal-qatgħa l-antika. Il-mużika tal-banda kienet l-espressjoni kulturali tiegħu u l-kurunetta jew il-pistonin kienu l-passjoni tiegħu. Il-bandisti kienu sħabu u ħbiebu. Meta kienet tasal il-festa ta’ San Ġorġ arah imxammar magħhom fl-armar jew fin-nar. Meta jkun ġej xi programm isimgħu jistinka fl-istudju waħdu ġew ġol-klassi u fil-kunċerti. U meta kien se jinbena l-każin il-ġdid fi Triq it-Tiġrija arah mimli tajn, minn xħin jispiċċa x-xogħol sakemm jidlam. Minn fommu xejn ħlief ftaħir għall-banda – “Aħna l-aqwa!” Xejn ħlief kburija bis-surmast żagħżugħ Joseph Vella, li kien ftit iżgħar minnu fl-eta’. Xejn ħlief tifħir għas-Sur Pawlu Cassar, is-segretarju ġenerali ta’ żmienu, li lejh kellu ammirazzjoni kbira.
 
Minkejja li għaddew aktar minn tletin sena minn mindu, wara li żżewweġ, emigra lejn il-Kanada, sħabu l-bandisti għadhom jiftakru fil-karattru ferrieħi tiegħu, fil-ħeġġa tiegħu għall-Banda u fil-bravuri tiegħu bħala solista kemm f’dawn il-gżejjer u barra, fis-safriet li kien għamel mal-Banda. 
 
F’dawn il-jiem, ġol-każin, wieħed minn sħabu, Karistu Galea, irrakkonta ġrajja ta’ l-1973, waqt programm tal-Banda La Stella f’Ta’ Sannat meta l-Banda tagħna kellha biswitha l-banda rivali tar-Rabat. Dak inhar Ġorġ Grech messu jdoqq l-arja tan-Norma. Waqt li kien fis-solo faqqa murtalett twil li ħabat ħa jitfi l-pistonin. Ġorġinu, trankwillament, waqaf, stenna l-murtalett jispiċċa u mbagħad qam u bil-wieqfa ssokta jdoqq, b’leħen ta’ l-għaġeb, eżattament minn fejn kien waqaf fost iċ-ċapċip u l-għajat ta’ “bravu” tan-nies preżenti. 
                                                             
Isem Ġorġinu baqa’ marbut m’ sehmu bħala solista fis-selection tan-Norma li l-Banda La Stella, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Vella, kienet esegwiet ukoll fil-Belt Valletta, u anki mas-solo ta’ l-antifona ta’ San Ġorġ li tindaqq fil-festa ewlenija tal-Belt Victoria. X’ħin kienet tinstema tfaqqa’ qabel il-barka sagramentali, il-kelma li kienet tiġri mal-knisa ffullata bin-nies kienet tkun: “Isimgħu lil Ġorġinu!”
 
Lil Ġorġ Grech ma tantx rajnih fostna Għawdex wara li emigra lejn il-Kanada. Kien jifraħ jiġi, bħalma feraħ meta kien fostna xi sitt snin ilu, imma mbagħad kien iħossha bi tqila jerġa jaqbad l-ajruplan lura lejn il-Kanada. Kien fih għors f’nofsna, u meta l-Banda La Stella kienet marret iddoqq fost il-Maltin u l-Għawdxin tal-Kanada, kien għamel festa. Issa l-festa qed jagħmilha ma’ San Ġorġ, fil-ġenna.
 
Meta telaq lejn il-Kanada sħabu kienu bkewh u kienu akkumpanjawh b’carcade mir-Rabat sax-Xatt, fejn qabad il-vapur lejn Malta. Illum sħabu jakkumpanjawh bit-talb tagħhom.
 
Nhar it-Tlieta, 17 ta’ Novembru, se ssir quddiesa kantata b’suffraġju tiegħu, ġol-bażilika ta’ San Ġorġ. Iqaddes kuġinuh, Monsinjur Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritu u direttur spiritwali tal-Banda La Stella. Kulħadd hu mistieden.