AKTAR IMPENJI GĦALL-BANDA TAGĦNA
Ninsabu fl-aħħar ġimgħat ta’ preparazzjoni għall-programm mużikali annwali tal-banda li kif ħabbarna l-ġimgħa l-oħra ser isir nhar is-Sibt 15 ta’ Diċembru ġewwa t-teatru Astra. Iżda dan mhux ser ikun l-uniku impenn tul ix-xahar ta’ Diċembru. Fil-fatt nhar il-Ħadd li ġej il-banda tagħna għal darb’oħra ġiet mistiedna biex tieħu sehem fil-festa sekondarja tal-Fontana f’ġieh Sant’Indrija. Il-banda tagħna, li kienet ukoll mistiedna biex iddoqq fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-pussess tal-kappillan il-ġdid tal-parroċċa tal-Fontana, ser takkumpanja l-purċissjoni bid-daqq ta’ marċi reliġjużi. Il-banda tagħna għandha rabtiet speċjali ma’ dan ir-raħal, fejn nieħdu sehem fl-okkażjonijiet kollha li jiġu ċċelebrati mill-parroċċa ta’ dan ir-raħal żgħir.
Ġimgħa wara l-impenji tagħna fil-Fontana jkun imiss festa oħra għal qalb ħafna s-Soċjetà mużikali tagħna – il-festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni ċċelebrata fil-belt Victoria. Din il-festa hija meqjusa bħala t-tieni festa għall-partitarji ta’ l-Istilla, wara l-festa titulari ta’ beltna f’ġieh San Ġorġ. Il-banda tagħti s-sehem sħiħ tagħha biex tkompli tkabbar din il-festa Marjana, b’marċ brijuż lejlet il-festa li jgħaddi mill-inħawi tal-knisja konventwali ta’ San Franġisk, u bid-daqq ta’ marċi reliġjużi tul il-purċissjoni devota bl-istatwa artistika ta’ Marija Immakulata madwar il-belt Victoria nhar il-festa. F’jum il-festa, il-banda “La Stella” taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella u bis-sehem tal-kor “Laudate Pueri” tal-bażilika ta’ San Ġorġ, iddoqq l-innu l-kbir f’ġieh l-Immakulata, waqt il-ħruġ solenni tal-purċissjoni mill-knisja konventwali ta’ San Franġisk.
L-aħħar impenn għax-xahar ta’ Diċembru, wara l-Programm Mużikali annwali huwa d-daqq ta’ carols madwar it-toroq ewlenin ta’ beltna, nhar is-Sibt 22 ta’ Diċembru. Dan il-marċ li ser isir fuq stedina tal-kunsill lokali tal-belt Victoria.