Join Us On:

News Archive

AKTAR IMPENJI GĦALL-BANDA ‘LA STELLA’

Wara l-impenji numerużi li kellha l-banda La Stella fil-ġimgħa tal-festa ta’ San Ġorġ f’beltna, fi tmiem il-ġimgħa l-banda kienet mill-ġdid impenjata fis-servizzi fil-festi f’Għawdex. Il-banda għal darb’oħra kienet mistiedna tagħti servizz fir-raħal ta’ Sannat fejn ġiet iċċelebrata l-festa ta’ Santa Margerita. F’din l-okkażjoni l-banda għamlet marċ u programm mużikali f’jum il-festa filgħaxija waqt il-purċissjoni. Il-banda esegwiet numru ta’ xogħlijiet varjati – kemm kontemporanji kif ukoll klassiċi taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella.

Nhar is-Sibt li ġej ikun imiss servizz ieħor – din id-darba fir-raħal tal-Qala fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp fejn hawn ukoll il-banda ġiet mistiedna tagħmel marċ u programm mużikali fil-pjazza ewlenija tar-raħal. 

U hekk wara s-servizzi fil-Munxar, l-Għasri, il-Fontana (2), in-Nadur (2), ix-Xewkija, u Sannat, il-banda tkompli għaddejja f’Sajf ieħor mill-aktar impenjattiv bis-servizzi fl-istaġun tal-festi. 

Wara s-servizz fil-festa tal-Qala, isegwu żewġ servizzi oħra fil-festa ta’ San Lawrenz, u servizz fil-festa taż-Żebbuġ u Għajnsielem.

Aktar aġġornamenti fil-ġranet li ġejjin.