Join Us On:

News Archive

AKTAR DWAR MONS. PAWLU CARDONA

Dun Pawl Cardona twieled f’Ta’ Sannat, Għawdex, fit-22 ta’ Jannar 1953, minn Luigi Cardona u Rosina Sciberras, l-ewwel fost ħames aħwa. Huwa studja fl-iskola primarja Ta’ Sannat, u fl-iskola sekondarja tal-belt Victoria, u wara fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, fejn beda l-kors tal-Filosofija fis-sena 1971 u t-Teoloġija fis-sena 1973.

Ġie ordnat saċerdot fit-18 ta’ Ġunju 1977, fil-katidral ta’ Għawdex, mill-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi. Fl-aħħar ta’ Settembru ta’ l-istess sena huwa beda l-ħidma pastorali tiegħu fid-djoċesi ta’ Tivoli, l-Italja, taħt it-tmexxija ta’ l-isqof is-Serv ta’ Alla Mons. Guglielmo Giaquinta.

Dun Pawl ġie assenjat bħala kappillan fil-parroċċa ta’ San Filippu Neri f’Colle Fiorito di Guidonia, mill-4 ta’ Diċembru 1977 sa Mejju 1989. F’din il-parroċċa huwa bena kumpless parrokkjali għall-ħidma pastorali ta’ din il-parroċċa.

Fl-1 ta’ April 1989 huwa ġie nominat bħala kappillan tal-parroċċa ta’ San Liborio f’Ruma mill-kardinal Ugo Poletti. Hawnhekk huwa bena knisja u kumpless parrokkjali ddedikat lil San Liborio u kkkonsagrat fis-7 ta’ Novembru 1998. Dritt wara fis-17 ta’ Jannar 1999 kellu ż-żjara tal-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II. Fil-Konċistorju tal-21 ta’ Frar 2001 il-Q.T. il-Papa għolla l-knisja ta’ San Liborio għat-titlu kardinalizju presbiterali u għaliha ħatar bħala l-ewwel kardinal l-Em.T. Mons Johannes Joachin Degenhardt, arċisqof ta’ Paderborn, fil-Ġermanja.

Dun Pawl kien innominat bhala Prefett tal-ħdax-il prefettura fid-djoċesi ta’ Ruma mill-kardinal Camillo Ruini fl-1997. Mill-11 ta’ Mejju 2000 kien innominat ukoll membru tal-Kummissjoni ta’ l-Arti Sagra tad-djoċesi ta’ Ruma.

Dun Pawl jagħmel parti mill-Istitut Sekulari Saċerdotali Apostolici Sodales imwaqqaf mis-Serv ta’ Alla Mons. Guglielmo Giaquinta, li għandu bħala skop il-qdusija tal-kleru djoċesan. Huwa għex għal snin twal qrib il-fundatur Mons. Guglielmo Giaquinta. Wara l-mewt ta’ dan il-fundatur, Dun Pawl ġie elett bħala l-ewwel suċċessur tiegħu, superjur ġenerali ta’ l-istess istitut, mit-2 ta’ Awwissu 1995 sat-2 ta’ Frar 2006.

Għal ħafna snin huwa kien assistent ekkleżjastiku nazzjonali tal-moviment Pro Sanctitate. Huwa kien predikatur regolari ta’ l-eżerċizzi spiritwali mhux biss f’diversi postijiet fl-Italja imma wkoll fin-nazzjonijiet fejn hemm il-preżenza tal-moviment Pro Sanctitate.

Nhar is-17 ta’ Settembru 2007, Mons. Cardona ġie maħtur mill-ET Mons. Isqof Mario Grech, bħala l-arċipriet il-ġdid tal-Bażilika ta’ San Ġorġ tal-belt Victoria.