Join Us On:

News Archive

AKTAR DWAR IL-MUSICAL “GĦALIEX JIEN?”

Hekk kif nhar l-Erbgħa li għadda dħalna fiż-żmien tar-Randan imqaddes, il-preparamenti għall-musical Għaliex Jien? fit-Teatru Astra jinsabu fl-aqwa tagħhom sabiex f’inqas minn xahar jittella’ l-ispettaklu ta’ mużika, drama, xenarju u dwal dwar l-akbar ġrajja fl-istorja ta’ l-umanita’. Sezzjonijiet mill-cast qed jiltaqgħu ta’ kuljum għall-provi li qed isiru taħt id-direzzjoni ta’ Mario Tabone u ta’ Joe Chircop, il-kittieb tal-lirika ta’ din ir-rappreżentazzjoni, assistiti minn Antonella Zammit.
 
Intant, membri ħabrieka ta’ l-Għaqda ta’ l-Armar tal-Festa ta’ San Ġorġ, qed jaħdem fuq it-twettiq tax-xenarju artistiku li jidher li se jgħin mhux ftit lill-udjenza tidħol fl-ambjent u l-ispirtu ta’ żmien Ġesu’. L-istess voluntiera ħadmu sabiex tiddendel it-tabella l-ġdida li qed iżżejjen il-faċċata tal-każin fi Triq ir-Repubblika sabiex tippromovi din l-attivita’, li saret fuq stil pjuttost ġdid għal gżiritna, b’sistema ta’ illuminazzjoni moderna u professjonali. Min-naħa l-oħra, s-sezzjoni tal-vestwarju tinsab għaddejja bil-preparamenti għal dak kollu li għandu x’jaqsam mal-vestwarju li se jintuża għal din il-lejla.
 
Il-booking għal dan il-musical issa jinsab miftuħ mill-bar tat-Teatru Astra u l-biljetti jiswew €10.00. Filwaqt li b’sodisfazzjon ninnutaw li l-bejgħ tal-biljetti miexi ġmielu, inħeġġu lil kull familja sabiex iżżomm l-appuntament tal-lejla speċjali tat-2 ta’ April fit-Teatru Astra sabiex tidħol dejjem aktar fl-ispirtu ta’ dan iż-żmien qaddis u tifhem il-ġrajja straordinarja tas-salvazzjoni tagħna li ġrat fuq il-Golgota ftit inqas minn elfejn sena ilu.