Join Us On:

News Archive

KOMPOŻIZZJONI ĠDIDA MIS-SURMAST DIRETTUR TAGĦNA DR JOHN GALEA

Ad Astra! Hija t-titlu ta’ Overture ċelebrattiv kompost minn Dr John Galea, li se jiġi ppreżentat għall-ewwel darba mis-Soċjetà Filarmonika La Stella taħt id-direzzjoni tal-kompożitur innifsu waqt il-Kunċert ta’ Jum l-Indipendenza 2021 organizzat mill-Kumitat Festi Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

Dan ix-xogħol ġdid jieħu t-titlu tiegħu mill-massima Latina ‘Ad Astra’ li tfisser lejn kisbiet ogħla, litteralment tradotta ukoll bħala ‘Lejn l-Istilel’. Ix-xogħol  jiftaħ fuq nota ritmika li tintroduċi t-tema ewlenija li għandha ton festiv u trijonfanti, fejn  s-sezzjonijiet kollha tal-banda huma involuti. Dan il-motiv huwa kkaratterizzat minn figuri sinkopati mmarkati li għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tax-xogħol. Passaġġ ta’ tranżizzjoni jippermetti żvilupp imqanqal li jimmarka r-ritorn tat-tema sabiex b’hekk iġġib is-sezzjoni introduttiva għal sezzjoni ċentrali aktar kalma mmarkata ‘Grazioso’. F’din it-taqsima diversi solisti tal- Banda Ċittadina La Stella jinteraġixxu fl-argument mużikali fejn jiġu kkwotati siltiet mill- Inno a La Stella ta’ Giuseppe Giardini Vella. Din is-sezzjoni tiżvolġi f’taqsima iktar ritmika ‘Più Mosso’ fejn jinstemgħu aktar kwotazzjonijiet, li din id-darba,  jinvolvu l-elementi tal-banda kollha. Akkordji mibnija fuq intervalli ta’ kwarta mqassma fuq il-firxa strumentali kollha jħabbru r-ritorn tas-sezzjoni tal-ftuħ, li issa hija iktar elaborata, u li tinvolvi kwotazzjonijiet sonori mill- Inno a La Stella kontropuntati bil-motiv ċelebrattiv tal-ftuħ. Dan jgħaqqad mixja b’mod kostanti lejn aktar kulmini li jesponu t-tema ewlenija f’firxa varjata ta’ tonalitajiet fejn id-disinn melodiku, il-kulur armoniku u l-progressjonijiet formali jġibu din l-l-muzika celebrattiva fqawwija lejn il-‘Maestoso Assai’ li gradwalment jirrisolvi f’għeluq irbattut ibbażat fuq ir-ritmika enerġetika tal-ftuħ!

Dan ix-xogħol ġdid Ad Astra l-aktar xogħol riċenti tad-direttur mużikali preżenti tagħna John Galea jkompli fl-aqwa tradizzjoni tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, fejn il-ħila kompożittiva eminenti tad-diversi diretturi mużikali passati tas-Socjetà dejjem ġew milqugħa favorevolment. Dan ifisser ukoll li twettaq proċess li arrikkixxa l-arkivji tas-Soċjetà Filarmonika La Stella b’kullana opulenti ta’ kompożizzjonijiet miktuba espressament għas-Socjetà Filarmonika La Stella u r-rwol tagħha bħala protagonist fil-kamp bandistiku nazzjonali.

Dan il-programm qed jiġi organizzat bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdanu.

242120267_623999175648713_1288757912833487706_n 242130709_623999285648702_5547664647796325621_n