Join Us On:

News Archive

AD ASTRA! AD ALTIORA!

Nhar it-Tlieta 21 ta’ Settembru 2021, Il-Banda Ċittadina La Stella esegwiet programm mill-iktar impenjattiv fejn tat is-sehem tant mistenni tagħha fil-kunċert organizzat fl-okkażjoni ta’ Jum l-Indipendenza. Il-banda kienet kostitwita minn 68 element, fil-maġġjor parti tagħhom kollha mużiċisti stabbiliti fix-xena lokali u nternazzjonali, mrawwmin mis-Soċjeta’ Filarmonika La Stella nnfisha.

Fost dawn, wieħed mis-solisti tal-banda La Stella, George Camilleri, li kien protagonista f’sensiela twila ta’ kunċerti u festivals internazzjonali, kif ukoll f’oħrajn organizzati lokalment inkluż uħud mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali nnfisha, fetaħ ir-repertorju bil-kapulavur ta’ Pablo de Sarasate; Zigeunerweisen. Is-silta hi oriġinarjament miktuba sabiex tindaqq minn vjolin solista, akkumpanjat mill-orkestra. Il-kapaċitajiet tas-solista u l-banda dehru fid-diversi passaġġi mogħnija b’ritmu rapidu u armonija b’karatteristika mill-iżjed elaborata. Infatti, din is-silta tindaqq sikwit minn vjolinisti esperti sabiex jesebixxu l-kapaċitajiet tagħhom, li żgur ġew riflessi fl-esekuzzjoni ta’ Camilleri fuq l-ewfonju fejn ħarġet l-unita’ bejn il-mużiċisti kollha tal-Banda La Stella.

Il-programm esegwit mill-Banda Ċittadina La Stella kompla b’kompożizzjoni ġdida tas-Surmast Dr John Galea Ad Astra!, overture ta’ ton allegru komposta għal din l-okkażjoni. Is-Soċjeta’ Filamonika La Stella kompliet issostni l-fama tagħha bħala benniena tal-arti, fejn fost l-oħrajn dejjem rawwmet taħt djulha surmastrijiet kapaċissimi mhux biss fid-direzzjoni, izda anke’ fil-kompożizzjoni. Fost l-oħrajn, insemmu l-iktar tlieta riċenti, Mro Giuseppe Giardini Vella, Prof Joseph Vella, u s-surmast attwali Dr John Galea, li kollha kemm huma kisbu suċċessi nternazzjonali u għamlu ġieh lil artna bil-kompożizzjonijiet tagħhom. Mhux b’inqas din id-darba b’din il-kompożizzjoni trijunfanti, li permezz tat-tranżizzjonijiet tagħha ppreżentat argument mużikali li jiżvolgi fi kwotazzjoni mill-Inno a La Stella, kompożizzjoni ta’ Mro Giardini Vella, b’akkordji mifruxa fuq l-elementi kollha tal-banda, li jinvolvu fihom progressjonijiet li jwasslu għal armonija b’melodija mill-iktar mirquma u enerġetika. Din il-kompożizzjoni ingħaqdet mal-mijiet oħrajn li jiffurmaw l-arkivju uniku tas-Soċ. Fil. La Stella.

Il-Banda għaddiet imbagħad għal silta ta’ ġeneru aktar leġġer fuq l-istil rock,  li dan l-aħħar il-banda bbrillat ukoll fl-ispettakli offruti minn dan l-istil ta’ arti viżiva. Medley ta’ siltiet popolari mill-grupp leġġendarju Queen b’arranġament ta’ Carlos Marques, bl-isem God Save the Queen, ipprovda mumenti ta’ solljev lill-udjenza mill-biċċiet tant impenjattivi u elaborati li ndaqqqu qabel, filwaqt illi ppreparat il-widnejn għal dak li kien il-qofol fit-turija tal-kapaċitajiet tal-mużiċisti tal-Banda Ċittadina La Stella.

Qed nirrefieri hawn għall-Overture 1812, waħda mill-kapulavuri ta’ Tchaikovsky, oriġinarjament miktuba għal orkestra li tinvolvi fiha flimkien mal-elementi tradizzjonali ta’ orkestra sinfonika r-ram, l-injam, qniepen, kif ukoll ħsejjes ta’ artillerija. Din l-overture, indaqqet u ġiet irrekordjata diversi drabi minn orkestri stabbiliti internazzjonalment taħt il-bakketta ta’ wħud mill-iktar diretturi magħrufa fl-istorja mużikali. Żgur li kienet biċċa mpenjattiva mhux b’inqas għall-mużiċisti tas-Soċjeta’ La Stella, li madankollu rnexxielhom joħorġu s-sbuħija ta’ xogħol Tchaikovsky b’awtorita’ kważi awtokratika daqs li kieku nkitbet sabiex tindaqq mill-banda nfisha, bil-karatteristiċi  kollha tagħha ta’ tempijiet leġġeri, rittmi melodiċi, u varjazzjonijiet fid-dinamika li jirriflettu l-isfond storiku li għalih inkiteb dan il-kapulavur trijunfali.

Inħarsu l-quddiem għal iktar rappreżentazzjonijiet mużikali mill-Banda Ċittadina La Stella, sabiex tkompli tpaxxi widnejn l-udjenza distinta tagħha, filwaqt li tarrikkixxi b’dinjita’ l-patrimonju kulturali ta’ pajjiżna, l-istess dinjita’ li qatt ma tiġi ċeduta favur min jipprova jxekkel il-missjoni tagħha.

(Ritratt: Joe Attard)

_JMJ2830Ra