Join Us On:

News Archive

50 SENA ILU SAN ĠORĠ ISIR BAŻILIKA

IS-SOĊJETà FILARMONIKA LA STELLA, BĦALA BENEFATTRIĊI EWLENIJA TA’ DAN IL-ĠIEĦ, TIMMARKA DAN L-ANNIVERSARJU KBIR U SSELLEM IL-MEMORJA STORIKA TA’ DAWK KOLLHA LI ĦADMU BIEX INGĦATA DAN IL-ĠIEĦ MISTĦOQQ RIKONOXXUT MIS-SANTA SEDE LILL-KNISJA PROTOPARROKKJALI U ARĊIMATRIĊI, OMM IL-PARROĊĊI KOLLHA TAL-GŻIRA GĦAWDXIJA.

* * *

“Il-ħeġġa għal darek fnietni” (Salm 69:10)

Ħamsin sena ilu San Ġorġ isir Bażilika
 
Jekk hemm xi ħaġa li tqanqalna biex din is-sena niċċelebraw iċ-ċinkwantenarju – il-ħamsin anniversarju – mill-għoti tal-ġieħ ta’ bażilika lill-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ, ħalli jkun dan il-vers mill-Iskrittura! Il-poplu l-qadim ta’ Alla, Israel, kellu ħeġġa liema bħalha għat-Tempju. Fih kien jgħammar Alla, u fejn hemm Alla kollox hu qaddis. Għalhekk ma jaħsibhiex darbtejn is-salmista biex jesprimi l-ħeġġa tiegħu għat-Tempju b’dawn il-kelmiet. Ġesù tkellem fuqu nnifsu bħala t-Tempju l-ġdid li fih Alla jitkellem mal-bnedmin. San Pawl ifakkarna f’dan meta jistaqsi: “Ma tafux li intom tempju ta’ Alla, u l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom?” (1 Kor 3:16). U għalhekk, kuldarba li aħna niltaqgħu bħala komunità biex niċċelebraw fit-tempju tal-ġebel, il-knisja, aħna nkunu niċċelebraw “binja” wisq iktar importanti, li hi dik tagħna stess fi Kristu, “il-ġebla tax-xewka” li fiha kull bini jżomm sod u sħiħ.
 
Għalhekk ħadd ma jista’ jagħtina tort li nifirħu b’dan it-tempju maestuż tal-ġebel, li fih jgħammar Alla… bil-bażilika ta’ San Ġorġ! L-istess kif ħadd ma jagħtihom tort lil missirijietna li tħabtu kemm felħu, sa xerrdu l-għaraq u d-dmugħ, biex żejnu dan it-tempju ta’ Alla bl-isbaħ għana. U sa mill-qedem ukoll dan it-tempju ġie mħares minn Ġorġi, il-qaddis martri li niesna ħabbew u għandu resqu bl-imħabba fit-talb tagħhom. Imma qabel ma din il-bażilika hi ta’ San Ġorġ, hi ta’ Alla, għax fiha hu jagħmel l-għamara tiegħu mal-bnedmin.
 
Hu f’din l-ottika li aħna nistgħu nagħtu sens lil din it-tifkira speċjali tal-ħamsin sena mill-għoti tal-bażilika. Huma ġrajjiet fl-istorja li kabbru l-ġieħ ta’ dan it-tempju, li hu t-tempju ta’ Alla. U jekk illum niftakru bil-ferħ u l-gratitudni f’dan kollu, nagħmlu hekk biex nitħeġġu fl-imħabba għat-tempju tiegħU.
 
“San Ġorġ bażilika”
Il-premessa biex nifhmu l-ġrajja straordinarja ta’ l-1958 hi sempliċi: San Ġorġ kien ħaqqu l-bażilika, u iżjed ukoll, għall-missjoni pastorali kbira li wettaq sa mill-qedem fil-Knisja Għawdxija. 
 
L-aħbar li “San Ġorġ bażilika” waslet Għawdex il-Ħadd 5 ta’ Ottubru 1958 u tħabbret dakinhar stess fl-4.00pm mill-arċipriet tar-Rabat Mons. Mikiel Cefai, li ħareġ fuq il-presbiterju tal-knisja ta’ San Ġorġ u, b’leħen kommoss, ta l-aħbar lill-poplu mimli entużjażmu li ħanaq il-knisja sax-xfar. Minnufih wara, il-faċċata ġiet imżejna bis-salib tal-bażilika u l-qniepen ħabbru din il-ġrajja ta’ ferħ waqt li l-ħoss armonjuż tagħhom ingħaqad mat-tiri tal-murtali li dwew fis-sema Għawdxi.
 
Min irid jifhem sew minfejn hi ġejja l-istorja ta’ dan il-ġieħ jagħmel sew jekk jaqra mill-bidu s-sensiela ta’ artikli ta’ George Francis Vella San Ġorġ. Ħamsin sena bażilika, li qed tiġi ppubblikata fil-ħarġiet ta’ din is-sena tar-rivista parrokkjali Il-Belt Victoria. Il-kelma Latina “basilica”, mill-Grieg “basiliké”, bdiet titħaddem fl-epoka Klassika biex tfisser bini pubbliku, ġeneralment fil-“forum” ta’ belt Rumana. Diġà fi bliet Ellenistiċi nsibu bażiliċi tas-seklu tnejn qK. Imbagħad meta l-imperu Ruman sar uffiċjalment Kristjan fis-sena 313 it-terminu twessa’ għal knejjes kbar u importanti mogħnija mill-Papa b’xi ġieħ jew privileġġ. Allura, kif qed naraw, kien biż-żmien li s-sens arkitettoniku ta’ bażilika ġie mlibbes valur ekkleżjastiku, biex sar ġieħ jew onorifiċenza mogħtija lil xi knisja ta’ importanza kbira. Biżżejjed insemmu l-erba’ bażiliċi maġġuri ta’ Ruma, imma qabilhom diġà kienu jeżistu oħrajn. F’Għawdex, qabel San Ġorġ, diġà s-santwarju Ta’ Pinu kellu dan it-titlu minħabba l-importanza ekkleżjastika tiegħu f’Għawdex. San Ġorġ, imma, sar l-ewwel parroċċa li kisbet dan il-privileġġ.
 
Il-papa Piju XII
L-għoti tal-ġieħ ta’ bażilika lill-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ nistgħu ngħidu li kien wieħed mill-aħħar għemejjel tal-papa kbir Piju XII (1876-1958), il-papa tat-Tieni Gwerra Dinjija. Hu miet il-Ħamis 9 ta’ Ottubru 1958, tlitt ijiem biss wara li waslet f’Għawdex l-aħbar tal-bażilika. Ħmistax-il minuta wara l-qanpiena l-kbira tal-bażilika ta’ San Ġorġ ħabbret b’tokki kiebja l-aħbar ta’ niket. Minkejja l-kontroversja inġusta li nqalgħet madwar isem dan il-papa minħabba l-kwistjoni tal-persekuzzjoni Nażista kontra l-Lhud, Eugenio Pacelli hu wieħed mill-aqwa Vigarji ta’ Kristu li qatt rat il-Knisja fuq it-tron tagħha. Bl-intelliġenza ta’ teologu mill-egħref imma wkoll bit-tjieba ta’ ragħaj żelanti hu għaraf imexxi lill-Knisja qalb it-tempesti l-aktar ħorox ta’ żmienu. 
 
Fit-18 ta’ Ottubru 1958 fil-bażilika l-ġdida li hu kien waqqaf fil-belt Victoria – hekk li mmeritatlu t-titlu “Il-Papa tal-Bażilika” – saret uffiċċjatura għal ruħu u ntrama t-tabru f’nofs il-knisja bis-simboli pontifiċji tal-baklu papali u t-trirenju. Kien żmien ta’ luttu għall-Knisja fid-dinja imma wkoll għal dik lokali, li tilfet benefattur kbir tagħha, kif jikteb l-editur tal-ġurnal parrokkjali Leħen il-Belt Vittorja fil-ħarġa ta’ Ottubru 1958:
 
“Aħna naraw fil-persuna tal-papa Piju XII il-benefattur l-iktar insinji li qatt seta’ jkollha din il-parroċċa fil-ġrajjiet kollha ta’ ħajjitha. Meta tmintax-il sena ilu għollejna mtajra fis-sema kaħlani ta’ beltna dik il-koppla grandjuża u sabiħa, u snin wara żejjinniha bil-pittura famuża ta’ Conti, u taħta fiċ-ċentru ta’ l-arkata prinċipali fuq l-altar il-maġġur poġġejna wkoll l-istemma tal-papa Eugenio Pacelli, ħassejna f’qalbna kuraġġ ġdid li dan il-papa ġurnata jaqta’ x-xewqat tagħna. Konna profeti… Preċiżament xahar qabel il-mewt tiegħu żejjen il-parroċċa ta’ San Ġorġ bit-titlu ta’ bażilika, bħala rikompensa tal-merti kbar tal-parroċċa ta’ ħames jew sitt sekli ħajja”.
 
B’dawn il-kelmiet l-editur ta’ dak iż-żmien jolqot il-musmar fuq rasu fuq il-valur veru ta’ l-għoti tal-bażilika lil San Ġorġ. Dan ma ngħathaliex biex ikollha titlu u toqgħod tifraħ bih, imma biex jingħarfu l-merti kbar tagħha li sa ftit snin qabel, minħabba l-“Unjoni” maħlula tliet snin qabel, kienu mċaħħdin lilha bil-kbir. Dan hu li għaraf l-isqof Pace meta tħabat biex San Ġorġ isir bażilika. U għalhekk l-inkwiet li nqala’ fost parroċċi oħrajn f’Għawdex, għax Pace deher li pprifera lil San Ġorġ, żgur m’hux ġustifikat minħabba din ir-raġuni, għax San Ġorġ ingħata dak li kien ilu jistħoqqlu u ġie mċaħħad minnu.
 
Festi
Il-programm ta’ festi biex jiġi ċċelebrat bil-kbir dan il-ġieħ mogħti lil San Ġorġ seħħ bejn l-10 u l-11 ta’ Jannar 1959. Ma sarx qabel minħabba l-mewt tal-Papa. L-isqof ta’ Għawdex Mons. Ġużeppi Pace, saċerdot mill-parroċċa ta’ San Ġorġ li ħadem kemm felaħ biex San Ġorġ jingħata kulma ħaqqu, mexxa l-funzjonijiet prinċipali, fejn il-kanċillier tal-Kurja Mons. Guglielmo Grima qara l-brevi tad-digriet Merito dilaudatur templum iffirmat bi kmand speċjali tal-papa Piju XII nhar is-6 ta’ Settembru 1958 f’Castel Gandolfo. Id-digriet fih kliem sabiħ ħafna, li mbagħad inqaleb għall-Malti minn Mons. Giuseppe Farrugia Gioioso, u fih il-Papa jagħti r-raġunijiet ta’ għalfejn għoġbu jagħni lil San Ġorġ bit-titlu ta’ bażilika: “Hu tabilħaqq ta’ min ifaħħru bil-qatigħ it-tempju ddedikat lil San Ġorġ Martri, żîna liema bħalha mhux biss tal-belt Victoria, il-belt ewlenija ta’ Għawdex, gżira f’nofs il-baħar kaħlani tal-Mediterran, imma tad-djoċesi kollha ta’ dan l-isem…”.
 
Il-funzjoni tal-Ħadd għalqet bid-daqq ta’ l-antifona, il-kant tat-Te Deum u l-barka Ewkaristika. Għal din l-okkażjoni l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ ukoll inħarġet min-niċċa għall-qima fil-knisja. Fuq il-bieb tal-bażilika twaħħal kartellun kbir, kif kienet id-drawwa f’festi kbar, li jfakkar bi skrizzjoni l-aktar solenni bil-Latin l-għoti tal-bażilika. Dan il-kartellun għadu sal-lum merfugħ fis-Sala Mons. Emanuel Mercieca fil-bini taċ-ċentru parrokkjali.
 
Anki l-banda ċittadina La Stella riedet tissieħeb fil-ferħ ta’ din il-kisba u esegwiet kunċert vokali-strumentali fl-Oratorju Don Bosco, fil-belt Victoria, taħt id-direzzjoni tal-Mro Edgar Lowell. Il-kunċert sar taħt il-ħarsien ta’ l-isqof djoċesan Mons. Ġużeppi Pace, u fih sar diskors mill-president tas-Soċjetà Filarmonika, is-sur Ġużè Cefai LP. Il-festi ta’ barra għalqu l-Ħadd filgħaxija bi programm mużikali ieħor mill-banda La Stella fi Pjazza Indipendenza, magħrufa aħjar bħala “It-Tokk”.
 
Is-simboli li jfakkruna
Sintendi l-bażilika l-ġdida ġabet magħha s-simboli sbieħ, jew privileġġi, marbuta ma’ dan it-titlu. Bla dubju l-aktar li tiddomina hi t-tribuna, kopja ta’ dik tal-Bernini, imma għalkemm il-bażijiet tagħha saru fi żmien qasir, fil-fatt damet ma ttellgħet kollha. Imma barra t-tribuna, li hi karatteristika tal-bażilika għax taf il-bidu tagħha lill-bażiliċi klassiċi ta’ l-imperu, insibu wkoll is-salib tal-bażilika, li hu differenti minn salib normali għax fih tliet traversi orizzontali flok waħda. Meta wieħed jara salib bħal dan fuq knisja mill-ewwel jagħraf li din għandha t-titlu ta’ bażilika… u f’San Ġorġ dan insibuh kemm fuq il-lanterna tal-koppla u kemm fuq il-frontispizju tal-faċċata tal-knisja. 
 
Fl-aħħarnett l-umbrella bażilikali, jew umbrellun, – speċi ta’ umbrella kbira dekorattiva – bil-kuluri tradizzjonali ta’ l-aħmar u l-isfar, tiddomina s-simboliżmu bażilikali fil-knisja. Barra li jinħareġ fil-kor fost id-dekorazzjonijiet l-oħra – fosthom il-qanpiena, il-mazza u s-salib tal-kolleġġjata – fil-jiem tal-festi l-kbar, l-umbrellun jinġarr fil-purċissjonijiet fil-festi l-kbar, fosthom ta’ San Ġorġ u tal-Ġimgħa l-Kbira, fejn f’ta’ l-aħħar ma jinfetaħx imma jinġarr magħluq fuq l-ispalla b’sinjal ta’ luttu. Għall-okkażjoni ta’ l-anniversarju tal-bażilika ta’ kull sena, fis-6 ta’ Settembru, l-umbrellun jitqiegħed miftuħ f’nofs il-kor, wara l-altar, minflok jitħalla bħas-soltu kważi magħluq fuq il-ġenb, maġenb waħda mill-gradenzini. Il-parroċċa ta’ San Ġorġ illum għandha żewġ umbrelluni, wieħed eqdem mill-ieħor, li t-tnejn fihom l-istemma tal-bażilika fost armi oħra. L-ewwel darba li ħarġet l-umbrella bażilikali kien fil-purċissjoni ta’ għeluq il-festi tal-Kwaranturi, fit-30 ta’ Mejju 1959, u l-ewwel wieħed li refagħha kien Feliċ Attard “Ta’ Kunċetta”, parruċċan mill-aktar ħabrieki ta’ San Ġorġ u partitarju kbir Ta’ l-Istilla, li jidher ukoll fir-ritratt ma’ dawk li telgħu iwaħħlu s-salib il-ġdid mal-faċċata tal-bażilika dakinhar li tħabbret f’Ottubru 1958.
 
Diġà semmejna t-tribuna, imma tajjeb li wieħed jgħid li f’San Ġorġ, diġà qabel il-Konċilju Vatikan II (1962-1965) ta ordnijiet ċari fuq kif l-altar maġġur għandu jersaq lura biex iħalli postu lill-altar-mejda li jiffaċilita l-Quddiesa bir-rit il-ġdid (li ħa post il-Quddies l-ieħor fuq l-altari tal-ġnub), fil-21 ta’ Diċembru 1960 wara nofsinhar l-isqof Ġużeppi Pace ikkonsagra altar-mejda ġdid flok l-altar maġġur l-antik li kien iżżarma f’Novembru. L-altar il-ġdid, magħmul fl-irħam abjad ta’ Carrara fl-Italja, sar fuq disinn tal-professur Ruman Carlo Pisi (1897-1979), l-istess artist li ddisinja t-tribuna, l-ambone, iż-żewġ anġli bil-ħwat ta’ l-ilma mbierek u l-Via Crucis tal-bażilika. Dan ma sarx biss biex jakkomoda l-bażilika l-ġdida bl-istruttura tat-tribuna li iktar tard kellha tinbena fuqu, u li l-bażijiet tagħha kienu diġà mqiegħda f’posthom, imma biex il-knisja ta’ San Ġorġ tkun f’sintonija mar-riformi l-ġodda mitluba iktar tard mill-Konċilju.  Dakinhar il-presbiterju tkabbar ukoll bi tliet piedi. L-altar bażilikali l-ġdid, fis-sempliċità tiegħu, jevoka ċerta sublimità artistika li, flimkien ma’ l-erba’ anġli li qed iżommu l-wiċċ tiegħu, tħallik fl-istess spirtu ta’ adorazzjoni lejn il-Mulej, li lilu jirrappreżenta dan is-simbolu liturġiku qawwi. Min-naħa l-oħra nħoss li għandi ngħid li hi ħasra li l-altar maġġur l-antik li kien hemm qabel illum hu mitluf, jekk mhux ukoll imxerred għand xi wħud… imma wara kollox ħafna ħwejjeġ oħra prezzjużi raw l-istess xorti f’dawk iż-żminijiet!
 
Fl-1961 it-tużżell tal-festa, li qabel kien jintrama fuq il-maġġur, inbiegħ lill-parroċċa tal-Birgu. Fl-1 ta’ Lulju 1967 tlestiet it-tribuna, maħduma fuq mudell tal-professur Ruman Carlo Pisi għand id-ditta Taljana Belfiore, bit-tħabrik ta’ benefattur ieħor kbir ta’ San Ġorġ, is-sur Pawlu Pace “Tax-Xejxier” († 1993), li kien miżżewweġ għand l-artist, flimkien mal-mibki prokuratur Mons. Anton Grech Vella († 2008). Tabilħaqq li l-ġmiel ta’ din it-tribuna, unika fil-gżejjer Maltin, kixef il-proporzjon eżatt ta’ l-għoli u l-wisgħa tal-knisja.
 
Għeluq
Illum il-bażilika ta’ San Ġorġ hi simbolu tal-ġmiel li jtella’ rasu minn qalb il-gżira sbejħa tat-Tliet Għoljiet. Imma kull ġebla ta’ dan it-tempju, li kellha titkellem fuq il-ġrajjiet ta’ ħamsin sena ilu, tgħajjat it-tifkira ta’ benefatturi kbar, kif kienu l-Papa u l-Isqof, imma wkoll l-arċipriet Mons. Mikiel Cefai, l-arċipriet Mons. Emanuele Mercieca, Mons. Franġisk Portelli, is-sur Pawlu Pace, kif ukoll il-kumitat tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Jalla ma ninsew qatt dak li taw ta qabilna biex aħna dak li aħna llum…
 
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-bażilika Ġorġjana huma okkażjoni ta’ apprezzament tal-ġmiel. Alla hu l-Ġmiel innifsu, u dak kollu li hu tiegħu hu sabiħ. Nagħlaq bi stedina biex din it-tifkira ma nħalluhiex tkun biss waħda storika, imma nagħtuha sens billi nitħeġġu fl-imħabba lejn it-tempju ta’ Alla, li m’hux biss dak tal-ġebel li aħna nħobbu u niftaħru bih, imma wkoll l-istess ġisem tagħna.
 
“Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej ta’ l-eżerċti! Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej; ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj. Sa l-għasfur isib fejn jgħammar, u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-altari tiegħek; hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha, Mulej ta’ l-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi! Henjin dawk li jgħammru f’darek; huma jfaħħruk għal dejjem” (Salm 84:4-5).
 
Bibljografija
Festi San Ġorġ, Għawdex, Lulju 1983; 1987.
Il-Belt Victoria, Mejju-Ġunju 2008.
Leħen il-Belt Vittorja, Ottubru 1958; Diċembru 1958-Jannar 1959; Frar 1959.
Http://www.wikipedia.org (8 Lul 2008).
 
Ħajr lill-Arkivju tal-bażilika ta’ San Ġorġ, lis-sur George Borg u lil Mons. Coronato Grima għar-ritratti.

Dan l-artiklu ta’ Francesco Pio Attard deher fil-pubblikazzjoni tal-festa (Nru 34) ta’ San Ġorġ 2008 maħruġa mis-Soċ. Filar. La Stella.