Join Us On:

News Archive

40 SENA – TEATRU ASTRA

Illum 20 ta’ Jannar 2008, is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” tal-belt Victoria, b’ferħ kbir qed tfakkar l-40 anniversarju mill-ftuħ uffiċċjali tal-każin “La Stella” u tat-Teatru Astra. Is-Soċjetà “La Stella” li taf il-bidu tagħha fis-sena 1863 kellha diversi postijiet li servew ta’ każin tul l-istorja. L-ewwel dar li serviet ta’ każin kienet dar numru 15, strada San Giovanni. Fis-sena 1884, is-Soċjetà “La Stella” kienet tokkupa dar numru 17 Strada Fontana, biex imbagħad fis-sena 1893 sabet post aktar ċentrali, u qrib il-parroċċa ta’ San Ġorġ, fi Strada Carità, numru 93. Ir-raba’ każin kien fi Strada Palma fid-dar nru. 78 u fis-sena 1909 is-Soċjetà reġgħet biddlet il-każin għal darb’oħra fi Strada Carità fid-dar nru. 126. Fis-sena 1925, is-Soċjetà marret fi Triq it-Tiġrija f’nru. 147. Fl-1940, narawha terġa’ tbiddel il-każin u tirtira f’wieħed iżgħar f’nru. 24 Triq Vajringa, dan kien żmien it-tieni gwerra dinjija. Wara li ntemmet il-gwerra, propju fis-sena 1944, is-soċjetà kisbet post akbar fi Pjazza San Franġisk u fl-1952, għat-tielet darba nsibu l-każin fi Triq il-Karità fid-dar nru. 126. Hawn is-soċjetà għaddiet l-aħħar snin qabel ma xtrat il-post f’nru. 9 Triq it-Tiġrija, jew kif nafuha llum Triq ir-Repubblika fejn aktar tard żviluppat kumpless li jkopri każin, teatru u sala taż-żfin. Is-sena 1966, rat lis-soċjetà bil-każin fi Triq it-Tiġrija iżda, din id-darba bl-intenzjoni li titfa’ l-ankri f’dan il-post fejn kellha pjani u ambizzjonijiet differenti u ġodda. Kien fl-20 ta’ Jannar 1968 li dan il-kumpless grandjuż ġie inawgurat u miftuħ uffiċċjalment mill-Prim ministru ta’ dak iż-żmien Dr George Borg Olivier, u imbierek mill-Isqof t’Għawdex Mons. Ġużeppi Pace.

It-teatru Astra llum huwa wieħed mill-isbaħ teatri li għandna f’pajjiżna u l-każin “La Stella” jibqa’ wieħed mill-akbar każini ta’ Soċjetà Mużikali fil-gżejjer Maltin. Kumpless enormi li jinkludi fih diversi swali, uffiċini, foyer mill-akbar, bar, maħżen ta’ l-armar, diskoteka u fuq kollox il-ġawhra ta’ dan il-kumpless – it-Teatru Astra.

Tul l-istorja, fit-teatru Astra ttellgħu produzzjonijiet mill-aqwa fosthom 24 opra lirika, numru kbir ieħor ta’ operetti u mużikals, flimkien ma’ għadd ieħor ta’ produzzjonijiet bis-sehem ta’ artisti famużi barranin fosthom, Raffaella Carrà, Goggi Sisters, Albano, Romina Power, The Platters, Bobby Solo, Nek, Montparnasse Ballet Troupe u Ballet Classique de Paris.

Fit-8 ta’ Novembru 2003, it-Teatru Astra soffra ħsarat kbar wara li nħarqet parti mit-teatru. Wara xogħol kbir ta’ restawr, fis-sena 2005 reġa’ nfetaħ mill-ġdid, b’dehra isbaħ fuq disinn ġdid. L-istaġun teatrali l-ġdid għal dik is-sena fetaħ bl-opra lirika ‘La Boheme’ bis-sehem tat-tenur ċelebri Joseph Calleja.

Xieraq li nsemmu li t-teatru Astra kien dak it-teatru li fetaħ triq ta’ suċċessi kbar għat-tenur ta’ fama mondjali Joseph Calleja. Fil-fatt huwa ddebutta fuq il-palk tat-teatru tagħna fl-opra ‘Macbeth’ fl-1997. Wara s-sehem tiegħu fl-opra ‘La Boheme’ fl-2005, f’Ottubru li għadda rġajna lqajnieh fostna fejn reġa’ interpreta l-parti ta’ Macduff fl-opra ‘Macbeth’. Dan huwa bla dubju ta’ unur kbir għat-teatru tagħna. Fil-passat dan it-teatru laqa’ fih ukoll kantanti ta’ fama internazzjonali fosthom Ghena Dimitrova, Pamela Kucenic, Adelaide Negri, Nicola Rossi-Lemeni, Aldo Protti, Mark Rucker, Rumen Doikov u Francesca Patane’.

Għaddew 40 sena mill-ftuħ ta’ dan il-kumpless – 40 sena ta’ suċċess grazzi għal dawk kollha li dejjem ħadmu u għamlu sagrifiċċji biex illum nistgħu ngawdu ġojjel bħal dan. Għalhekk nixtiequ llum nuru rikonoxximent lejn dawk il-persuni li tant stinkaw biex ħolqu dan il-kumpless gradjuż – id-“dar” tas-Soċjetà “La Stella”. Jiddependi minna lkoll issa li nieħdu ħsieb din il-ġawhra tagħna u nżommuha ħajja aktar minn qatt qabel.