Join Us On:

News Archive

2008: SENA IMPENJATTIVA GĦALL-BANDA DEKANA

Bħal kull sena l-banda ċittadina u dekana La Stella tkun impenjata f’diversi attivitajiet biex twassal il-leħen tagħha, leħen mixtieq u mistenni minn ħafna, kif ilha tagħmel b’ġieħ u b’kapaċità naturali sa mill-1863. U forsi għalhekk hija banda li dejjem tiġbed in-nies lejha u tkun mistiedna fl-irħula oħra, l-aktar fi żmien il-festi. 
 
Tagħna hi l-unika banda tal-belt Victoria, u naturalment ta’ Għawdex, li fl-2008 ġiet mistiedna f’għaxar irħula biex twassal u tgħaxxaq lil kull min jattendi għal dawn il-festi. Dawn l-istediniet jixhdu għall-kapaċità murija mill-banda dekana fl-eżekuzzjonijiet tagħha u r-relazzjoni sabiħa li għandha ma’ soċjetajiet mużikali oħrajn.
 
Imma fuq kollox il-banda La Stella, l-eqdem waħda ta’ din il-gżira, tagħti sehem ewlieni fil-ġimgħa tal-festa ta’ San Ġorġ. Bi tmien servizzi f’ġimgħa l-banda tieħu sehem fil-festa tagħha b’responsabbiltà u dedikazzjoni kollha mħabba. Is-servizzi tal-banda huma kkonċentrati madwar il-postijiet għeżież tagħha, jiġifieri l-bażilika ta’ San Ġorġ u l-każin La Stella, it-tnejn li huma mbiegħda biss tefgħa ta’ ġebla minn xulxin. Din is-sena fi żmien il-festa l-banda tat l-aħħar tislima mistħoqqa lil Toni Vella, membru attiv fil-kumitat ċentrali li okkupa diversi karigi uffiċjali fi ħdan is-Soċjetà tagħna.
 
Servizz ieħor importanti tul din is-sena kien il-programm mużikali annwali f’Novembru. Ta’ min ifakkar is-sehem importanti immens tal-membri tal-banda, li waħidhom u mingħajr għajnuna barranija daqqew tul dan il-kunċert. Dan seta’ jsir biss minħabba l-impenn ta’ kull bandist fil-kunċerti kollha li saru bi tħejjija għalih.
 
Ringrazzjament speċjali jmur lill-bandisti kollha li jattendu għad-diversi kunċerti li jsiru tul is-sena fil-każin, u dan flimkien ma’ l-attendenza assidwa tagħhom, b’impenn u spiss b’sagrifiċċju personali, għas-servizzi li l-banda jkollha tul is-sena. Ħajr imur ukoll lill-kumitat li jaħdem qatigħ biex dejjem jara isem din is-Soċjetà jikber u jissaħħaħ, u hekk jintgħażel fil-kwalità fost soċjetajiet oħra fil-gżira Għawdxija. Dan l-isem il-banda ċittadina La Stella stinkat għalih, bil-patrun tagħha u tagħna l-Għawdxin, San Ġorġ, iħarisha.
 
Waqt li nħarsu lura b’sodisfazzjon, misjuqa mill-kuraġġ u l-entużjażmu li dejjem ikkaratterizzawna, insemmu hawn s-servizzi li l-banda kellha, fosthom dawk fil-festi tas-sajf li diġà ssemmew f’artiklu ieħor fuq din il-websajt.
 
21 ta’ Marzu 2008
Il-banda akkumpanjat il-purċissjoni devota tal-Ġimgħa l-Kbira li ħarġet mill-bażilika ta’ San Ġorġ, l-eqdem purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Għawdex, bid-daqq ta’ marċi funebri. F’din l-okkażjoni l-banda żanżnet sett ġdid ta’ marċi funebri.
 
23 ta’ Marzu 2008
Il-banda ħadet sehem fid-dimostrazzjoni reliġjuża bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt li ħarġet mill-bażilika ta’ San Ġorġ.  F’din l-okkażjoni l-banda daqqet sett ta’ valzi ta’ l-Għid.
 
22 ta’ April 2008
Il-banda ħadet sehem fil-velja ta’ talb li saret fil-vġili tas-solennità liturġika ta’ San Ġorġ fi Pjazza San Ġorġ, quddiem il-bażilika, u li għaliha nħarġet fil-bieb l-istatwa titulari tal-qaddis patrun ta’ Għawdex.
 
23 ta’ April 2008
Wara l-pontifikal solenni fil-bażilika l-banda għamlet marċ brijuż bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-Żiemel.
 
25 ta’ Mejju 2008
Festa ta’ San Pawl, il-Munxar: Il-banda għamlet marċ u programm mużikali fil-pjazza prinċipali tal-Munxar.
 
8 ta’ Ġunju 2008
Festa ta’ Ġesù Salvatur, l-Għasri: Il-banda akkumpanjat il-purċissjoni titulari bid-daqq ta’ marċi reliġjużi.
 
14 ta’ Ġunju 2008
Festa tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana: Il-banda għamlet marċ brijuż madwar it-toroq tar-raħal u fi tmiem il-marċ daqqet l-innu l-kbir fuq il-planċier fil-pjazza ewlenija tar-raħal.
 
15 ta’ Ġunju 2008 
Festa tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana: Il-banda sellmet lill-istatwa titulari bid-daqq ta’ l-innu l-kbir waqt ħruġ il-purċissjoni u wara akkumpanjat l-istess purċissjoni.
 
20 ta’ Ġunju 2008
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Belt Victoria l-banda għamlet marċ li beda minn quddiem il-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, għadda madwar it-toroq taż-żona u ntemm ħdejn il-playing field ta’ Taċ-Ċawla, li ġiet inawgurata mill-ġdid wara li sar xogħol ta’ tisbiħ mill-kunsill lokali.
 
21 ta’ Ġunju 2008
Festa ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija: Il-banda ħadet sehem fil-marċ popolari ta’ lejlet il-festa.
 
26 ta’ Ġunju 2008 
Festa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur: Il-banda ħadet sehem fid-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Pietru u San Pawl flimkien mal-banda Mnarja tan-Nadur.
 
28 ta’ Ġunju 2008
Festa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur: Il-banda ħadet sehem fil-marċ popolari ta’ lejlet il-festa flimkien mal-banda Mnarja.
 
15 ta’ Lulju 2008
Festa ta’ San Ġorġ, il-belt Victoria: Il-banda mexxiet marċ brijuż bl-istatwa ta’ San Ġorġ, xogħol ta’ Michael Camilleri Cauchi, li ttellgħet fi Pjazza San Franġisk.
 
16 ta’ Lulju 2008
Festa ta’ San Ġorġ, il-belt Victoria: Il-banda għamlet marċ brijuż flimkien mal-banda Santa Margerita ta’ Ta’ Sannat, bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-Żiemel, li sabet postha fi Pjazza San Ġorġ.
 
17 ta’ Lulju 2008
Il-banda ħadet sehem fil-funeral ta’ Toni Vella, membru fil-kumitat ċentrali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.  Fl-4.30pm il-banda La Stella akkumpanjat il-korteo minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ.  Fil-5.00pm bdiet il-quddiesa fil-bażilika.
 
18 ta’ Lulju 2008
Festa ta’ San Ġorġ, il-belt Victoria: Il-banda mexxiet marċ brijuż flimkien mal-banda Mnarja tan-Nadur, li beda minn Pjazza San Ġorġ u għadda minn quddiem is-sede tagħha sa Pjazza Indipendenza, fejn akkumpanjat l-istatwa ta’ San Ġorġ, xogħol ta’ Vincenzo Cremona, l-ewwel statwa għall-festi ta’ barra f’Għawdex, sa Pjazza Indipendenza.
 
19 ta’ Lulju 2008
Festa ta’ San Ġorġ, il-belt Victoria: Fl-10.00am il-banda mexxiet il-marċ tradizzjonali tat-Te Deum minn Pjazza San Ġorġ u sas-sede tas-Soċjetà. Wara sar riċeviment fil-każin għall-bandisti, il-membri u s-soċi bħala ringrazzjament għax-xogħol assidwu li jagħmlu matul is-sena.
 
19 ta’ Lulju 2008
Festa ta’ San Ġorġ, il-belt Victoria: Il-banda ħadet sehem fit-translazzjoni solenni u pontifikali ta’ lejlet il-festa, fis-6.00pm.
 
19 ta’ Lulju 2008
Festa ta’ San Ġorġ, il-belt Victoria: Il-banda daqqet l-innu l-kbir A San Giorgio Martire ta’ Giuseppe Giardini Vella fi Pjazza San Ġorġ, fejn wara beda l-marċ kolossali tagħha ta’ lejlet il-festa. Tat is-sehem distint tagħha l-banda King’s Own tal-belt Valletta.
 
20 ta’ Lulju 2008
Festa ta’ San Ġorġ, il-belt Victoria: Fis-6.00pm il-banda bdiet marċ minn quddiem il-każin sa Pjazza San Ġorġ. Wara laqgħet fil-bieb tal-bażilika l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ, kapulavur fl-injam ta’ Pietru Pawl Azzopardi, bid-daqq ta’ l-innu Georgius natus est.  Dritt wara esegwiet l-innu l-kbir A San Giorgio Martire, u ma’ tmiemu ħalliet il-planċier u akkumpanjat il-purċissjoni titulari li toħroġ mill-bażilika u ddur mat-toroq ewlenin tal-belt Victoria.
 
20 ta’ Lulju 2008
Festa ta’ San Ġorġ, il-belt Victoria: Fil-11.00pm il-banda għamlet marċ brijuż minn quddiem il-każin La Stella fi Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ.
 
27 ta’ Lulju 2008
Festa ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat: Il-banda għamlet marċ brijuż mat-toroq ta’ Ta’ Sannat u waqt il-purċissjoni esegwiet programm mużikali fil-pjazza tar-raħal.
 
2 ta’ Awwissu 2008
Festa ta’ San Ġużepp, il-Qala: Il-banda ħadet sehem fil-marċ popolari ta’ lejlet il-festa ta’ San Ġużepp.
 
9 ta’ Awwissu 2008
Festa ta’ San Lawrenz, San Lawrenz: Il-banda għamlet marċ brijuż lejlet il-festa u fi tmiem il-marċ daqqet l-innu l-kbir fuq il-planċier fil-pjazza ewlenija tar-raħal.
 
10 ta’ Awwissu 2008
Festa ta’ San Lawrenz, San Lawrenz: Il-banda daqqet l-innu l-kbir f’ġieħ San Lawrenz u wara esegwiet programm mużikali fil-pjazza tar-raħal.
 
23 ta’ Awwissu 2008
Festa tal-Assunta, iż-Żebbuġ: Il-banda għamlet programm mużikali fil-pjazza taż-Żebbuġ, lejlet il-festa ta’ Santa Marija.
 
30 ta’ Awwissu 2008
Festa tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem: L-aħħar impenn għall-banda La Stella fl-istaġun tal-festi 2008 kien fil-marċ popolari ta’ lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Loretu, f’Għajnsielem.
 
22 ta’ Novembru 2008
Sar il-programm mużikali annwali tal-banda La Stella fit-Teatru Astra bħala parti minn Festival Mediterranea 2008.
 
30 ta’ Novembru 2008
Festa ta’ Sant’Indrija, il-Fontana: Il-banda akkumpanjat il-purċissjoni ta’ Sant’Indrija bid-daqq ta’ marċi reliġjużi.
 
7 ta’ Novembru 2008
Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-belt Victoria: Il-banda mexxiet dimostrazzjoni madwar it-toroq tal-belt Victoria bl-istatwa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni. 
 
8 ta’ Diċembru 2008
Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-belt Victoria: Il-banda sellmet lill-Immakulata Kunċizzjoni bid-daqq tal-innu l-kbir Lodate Maria u wara akkumpanjat il-purċissjoni madwar it-toroq ewlenin tal-belt Victoria.