Join Us On:

News Archive

20 SENA MID-DEBUTT TA’ JOSEPH CALLEJA FIT-TEATRU ASTRA

Il-bieraħ filgħaxija sar kunċert grandjuż mit-tenur ċelebri Malti Joseph Calleja biex jiċċelebra l-għoxrin anniversarju minn meta huwa beda l-karriera professjonali tiegħu bħala tenur, liema karriera rat il-bidu tagħha fit-Teatru Astra fl-opra Macbeth tal-1997.

Waqt il-kunċert tal-bieraħ intweriet silta qasira bit-tenur Calleja ikanta waqt l-opra imsemmija fl-1997 fit-teatru tagħna.  Calleja kanta l-istess arja mill-MacbethO Figli…Ah, la paterna mano. Apparti dan tkellem u qal li l-ewwel darba li kanta kien idderiega s-Surmast Joseph Vella u ddedika u kanta kompożizzjoni tas-Surmast Vella – Il-Kebbies tal-Fanali.

Il-management tat-Teatru Astra huwa kburi li minn fuq il-palk tiegħu iddebutta t-tenur Malti li l-fama tiegħu kompliet tikber minn sena għal oħra biex laħqet il-livell li hi llum.  Mertu huwa wkoll tal-Prof. Joseph Vella li fl-1997 emmen fit-talent ta’ Joseph Calleja u fdalu f’idejh rwol importanti.

Fit-Teatru Astra t-tenur Calleja ħa sehem ukoll f’ La Boheme tal-2005 u f’Machbeth tal-2007.

Minn din il-paġna nixtiequ nwasslu l-ferħ tagħna f’dan l-avveniment hekk importanti fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna u nawguraw lil Joseph Calleja aktar suċċessi.

Capturemacbeth_16_20090523_149572630121e

Opera photos by Joe Attard – Title photo from Joseph Calleja’s concert in 2013