Join Us On:

News Archive

10 SNIN….MILL-EWWEL ĦARĠA TAR-RIVISTA

F’Lulju ta’ l-1997, is-Soċjetà Filarmonika “La Stella”, ħarġet l-ewwel edizzjoni tar-rivista uffiċjali tagħha “ta’ l-iStilla”, rivista li l-għan tagħha kien li żżomm lill-partitarji tagħha aġġornati b’dak kollu li kien qed jiġri fi ħdan l-istess Soċjetà. L-ewwel rivista tas-Soċjetà “La Stella” tmur lura għal Ġunju ta’ l-1957, fejn dak iż-żmien l-isem tagħha kien “Leħen il-Belt Vittorja”. Din kienet toħroġ kull xahar u bla dubju kienet sors ta’ informazzjoni dwar l-istess Soċjetà u l-ħidma kontinwa tagħha fil-qasam kulturali f’pajjiżna.

Wara assenza ta’ bosta snin, għaxar snin ilu, il-kumitat, li kien immexxi mill-President Dr. Joseph Ellis, ħatar lis-Segretarju tas-Soċjetà ta’ dak iż-żmien li kien is-Sur Joe Borg, biex ikun l-editur il-ġdid tar-rivista li ġabet l-isem “ta’ l-iStilla”. Fl-ewwel paġna tar-rivista ta’ Lulju 1997, inkiteb li l-bord editorjali deherlu li għal din ir-rivista għandu jingħażel isem li huwa sinonimu ma’ kull wieħed u waħda minna. “Bħala partit aħna magħrufin bħala “ta’ l-Istilla” u kulħadd kburi li huwa stilla. Għalhekk l-isem “Ta’ l-iStilla” għandu jappella għal kull partitarju Ġorġjan u għandu jkompli jseddaq f’qalbu dik l-imħabba ġenwina li min hu minn ta’ l-Istilla biss jaf x’jiġifieri, imħabba lejn is-Soċjetà għażiża tagħna “La Stella”, imħabba lejn il-Patrun għażiż tagħna San Ġorġ.”

Skop ieħor li għalih kienet bdiet toħroġ ir-rivista kien li tingħata spinta lill-istorja tas-Soċjetà kif ukoll tal-Partit ta’ l-Istilla in ġenerali. “L-għan hu li ‘ta’ l-iStilla’ jkun sors ta’ informazzjoni ġenerali fuq is-Soċjetà. Kien erbgħa li tul dawn l-aħħar għaxar snin servew bħala edituri ta’ din ir-rivista. Kif semmejna l-ewwel editur kien Joe Borg, imbagħad kellna lil George Borg, lil Noel Micallef, u l-editur preżenti George Apap, li nħatar bħala editur f’Ġunju 2005.

Bħalissa għaddej x-xogħol fuq ir-rivista li jmiss toħroġ għax-xahar ta’ Awwissu, li ser tkun ħarġa speċjali, ħarġa li bla dubju ser tinkludi informazzjoni dwar il-festa li għadna kif iċċelebrajna f’ġieħ San Ġorġ, b’numru kbir ta’ ritratti bil-kulur, artikli relatati man-numru kbir ta’ servizzi li kellha l-banda tagħna tul dawn l-aħħar xhur, u informazzjoni oħra ġenerali dwar is-Soċjetà “La Stella”. Ir-rivista titqassam b’xejn mal-bulettin tal-Parroċċa.