Join Us On:

TEATRU ASTRA JĦABBAR IL-KAST TA’ FIDDLER ON THE ROOF 

It-Teatru Astra ser itella’ t-tmien musical tiegħu, il-klassiku Fiddler on the Roof fil-21, 22, 23, 28, 29, u 30 ta’ Marzu 2025.  Dan l-appuntament annwali jiġbor flimkien kast u tim kreattiv straordinarju, li joffru esperjenza indimentikabbli. 

L-artist veteran, Mark Tonna, ser jieħu l-irwol ikoniku ta’ Tevye, karattru simpatiku u filosofiku. B’karriera li testendi fuq għexieren ta’ snin u palkijiet madwar id-dinja, Tonna ser ikun qed jagħti l-ħajja lil dan il-karattru tant maħbub. Sa mill-bidu tal-karriera tiegħu, Tonna esplora x-xena mużikali f’diversi oqsma, kemm bħala membru ta’ bands lokali, kif ukoll bħala solista. Huwa kiseb ukoll diversi unuri, inkluż nominazzjonijiet għal ‘Best Male Singer’ fil-Malta Music Awards

L-attriċi Pia Zammit se tirritorna lura fuq il-palk tat-Teatru Astra biex tinterpreta l-irwol prinċipali ta’ Golde, il-mara għaqlija u ta’ qalb kbira ta’ Tevye. Magħrufa għall-prestazzjonijiet vibranti tagħha fi musicals bħal West Side Story u Chicago fost ħafna oħrajn, il-preżenza qawwija tagħha fuq il-palk, flimkien mal-umoriżmu ta’ Zammit jippromettu li jżidu fond u seħer lil dan il-karattru. 

Lisa Baldacchino ser tinterpreta l-irwol ta’ Tzeitel, il-bint il-kbira ta’ Tevye.  L-esperjenza ta’ Baldacchino fix-xena tal-palk lokali tinkludi, opri, kif ukoll musicals bħal Grease u pantomimi bħal Beauty and the Beast, kif ukoll xogħol wara l-kwinti u dak li jinvolvi d-direzzjoni tal-palk. L-esperjenza vasta tagħha tiżgura interpretazzjoni b’saħħita u affaxxinanti. 

Hannah Spiteri, wiċċ familjari ieħor ġewwa t-Teatru Astra, ser tkun qed tinterpreta l-irwol ta’ Hodel, it-tieni bint ta’ Tevye. Wara l-prestazzjoni eċċellenti tagħha f’West Side Story f’Marzu li għadda, Spiteri ser tkun qed tirritorna wkoll bħala d-dance captain tal-produzzjoni. L-esperjenza tagħha fix-xena tal-musicals żgur li se tagħti spinta lill-prestazzjoni tal-kast kollu. 

Nina Galea, fl-ewwel irwol prinċipali tagħha, ser tkun qed tinterpreta l-irwol tat-tielet bint ta’ Tevye, Chava. Għalkemm għadha relattivament ġdida fix-xena tat-teatru lokali, id-dedikazzjoni u t-talent ta’ Galea ġew enfasizzati f’produzzjonijiet riċenti bħal West Side Story u Cabaret. Galea mistennija tagħti prestazzjoni li se tkun punt tat-tluq għall-karriera promettenti. 

George Curmi, magħruf lokalment bħala l-Pusè, ser jieħu l-irwol ikoniku tat-titular Fiddler, li jinkarna l-qalb u r-ruħ tat-tradizzjonijiet ta’ Anatevka bid-daqq tradizzjonali tal-vjolin. 

Dan il-musical ser jittella’ taħt id-direzzjoni artistika ta’ Christopher Gatt, direttur li għal dawn l-aħħar snin iddistingwa ruħu fit-Teatru Astra.  Gatt jibqa magħruf għall-viżjoni artistika tiegħu għat-teatru, kif ukoll għall-attenzjoni metikoluża għad-dettall. Id-direzzjoni mużikali se tkun, għall-ewwel darba, taħt id-direzzjoni ta’ Maestro George Apap, figura magħrufa sew kemm fit-Teatru Astra kif ukoll fix-xena mużikali lokali.  Jerġa jagħmel ir-ritorn tiegħu Francesco Nicodeme, fl-irwol ta’ koreografu – huwa mistenni li joħloq moviment dinamiku u espressivi biex jagħti l-ħajja lit-tradizzjonijiet ta’ Anatevka. Il-direzzjoni vokali ser tkun immexxiha minn Cathy Lawlor, filwaqt li l-kor se jkun immexxi minn Sylvana Attard

Biljetti jinsabu disponibbli u jistgħu jinxtraw online fuq teatruastra.org.mt

Titlifx din l-opportunità biex tesperjenza l-maġija ta’ Fiddler on the Roof! Ibbukkja l-biljetti tiegħek qabel ikun tard wisq! 

Fiddler on the Roof qed tiġi mtella’ mit-Teatru Astra bl-appoġġ tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, MeDirect, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u l-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria. 

Ritratti: Hush Studios