ORAZZJONI FUNEBRI DOLINDO CASSAR (1943 -2026)
“Ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna” LHUD 12:1-3
Illum qed insellmu lil persuna li f’ħajtu (u kif jidher illum anke wara ħajtu) iddawwar b’sħaba hekk kbira ta’ persuni: li kienu l-familja għażiża tiegħu, is-Soċjetà Filarmonika La Stella u s-servizz pubbliku, li ltaqa’ ma xkiel – inkluż fil-proċess li jmexxi il’quddiem kull proġett, kbir jew żgħir tas-Soċjetà La Stella, u fil-mard tal-aħħar snin, – imma warrbu, u b’qalbu qawwija – fortifikata minn sens kbir ta’ fidi u rġulija, ġera’ kull triq li kellu quddiemu.
Dolindo Cassar, huwa parti minn ġenerazzjoni li issa qed tintefa minn quddiem għajnejna, ġenerazzjoni li għexet il-bidu tat-twettiq tal-isbaħ ħolma artisitka fil-Belt Victoria, il-proġett tat-Teatru Astra li xpruna madwaru sħaba hekk kbira ta’ ħbiberiji, u minkejja x-xkiel, inkluż dak tal-ewwel snin – saret ġirja mill-isbaħ, f’ħafna triqat ġodda (ta’ arti), madwar ħafna persuni u artisti, li baqgħu mpressjonati mhux biss bl-offerta artistika imma daqstant ieħor, bil-metodi, li jista’ jkun li llum huma taħt pressjoni: dawk ta’ volontarjat, rispett, ħbiberija u rġulija – li kkuntrastaw u taffew l-pressjonjiet ħafna drabi kkawżati minn limitazzjonijiet ta’ riżorsi ta’ kull tip, imma żgur – mhux dawk ta’ kuraġġ u determinazzjoni.
Il-ġirja sabiħa li bdiet bil-ballun fl-ewwel snin, saret ukoll – kull sena, u kważi sal-aħħar, fit-triqat għal-preparazzjoni tal-festa ta’ San Ġorġ u mill-ġdid fit-triqat mal-Banda Ċittadina La Stella fis-servizzi kollha tagħha, f’Għawdex, Malta u anke barra minn xtutna.
Il-ġenerazzjoni li issa qed ittemm il-ġirja, tista’ tħares lura b’sens ta’ kburija lejn it-triq it-twila tal-prova li ġriet u rebħet, u l-legat fiżiku u morali li bniet u ħallietu lilna.
Aħna, li qegħdin fit-triqat u fil-ġirja, inħarsu lejn Dolindo, lejn ħuthu, u lejn sħabu, b’sens ta’ gratitudni, memorja u anke b’apprezzament tal-ispazju li tawna fit-triq – kmieni, meta huma kienu għadhom fil-ġirja, u tal-inkoraġġament li tawna – sal-aħħar, meta aħna komplejna il-ġirja li bdew huma.
Aħna li qegħdin fit-triq tal-ħajja, għandna għax nitgħallmu aktar mill-fidi, l-valuri ta’ irġulija, edukazzjoni, lealtà, rispett lejn il-kbir u ż-żgħir, dedikazzjoni assoluta lejn il-familja, u s-sens kommunitarju u ċiviku li servew lil Dolindo u l-ġenerazzjoni tiegħu tant tajjeb fil-ġirja tal-ħajja tagħhom.
Xejn ma kien ta’ xkiel, fit-triq, sakemm mdawwar b’sħaba hekk kbira ta’ xhieda.
Għalhekk illum il-familja tiegħu, is-Soċjetà Filarmonika La Stella, it-Teatru Astra u l-Belt Victoria ġustament jibku t-telfa tiegħu.
Imma aħna, fortifikati mill-eżempju ta’ Dolindo, b’qalbna qawwija – nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna.
Grazzi Dolindo.
Michael Formosa
President
Soċjetà Filarmonika La Stella
5 ta’ Mejju 2026







