DALWAQT IL-MUSICAL SINGIN’ THE RAIN ĠEWWA T-TEATRU ASTRA
Wara li fil-bidu tal-2026 it-Teatru Astra ħabbar il-kast prinċipali tal-produzzjoni tant mistennija Singin’ in the Rain, li se tittella’ fl-14, 15, 19, 20, 21 u 22 ta’ Marzu 2025, issa dħalna fl-aħħar fażi ta’ tħejjija b’attività kontinwa fid-diversi aspetti tagħha.
Kif ġa tħabbar il-protagonist fir-rwol ikoniku ta’ Don Lockwood se jkun Francesco Nicodeme, artist Malti ta’ livell għoli u gradwat mill-Urdang Academy f’Londra. Nicodeme huwa wiċċ familjari fuq il-palk tat-Teatru Astra u jġib miegħu esperjenza estensiva kemm lokali kif ukoll internazzjonali, wara li ħa sehem f’produzzjonijiet ewlenin bħal Jesus Christ Superstar, West Side Story, La Cage Aux Folles u The Sound of Music.
Ir-rwol ta’ Cosmo Brown se jinterpretah Dean Ellul, li se jkun qed jagħmel id-debutt professjonali tiegħu f’din il-produzzjoni. Artist imħarreġ sa minn età żgħira, Ellul iġib miegħu karattru komiku qawwi u ħila distintiva fit-tap dance għal wieħed mir-rwoli l-aktar maħbuba fit-teatru mużikali.
Biex jingħaqad it-trio prinċipali għandna lil Clara Sciberras fir-rwol ta’ Kathy Selden. B’sfond varjat fit-teatru, it-televiżjoni u l-iskrin, Clara dehret f’produzzjonijiet bħal My Fair Lady, Chicago, Chitty Chitty Bang Bang u The Sound of Music. Esperjenza oħra importanti għal Clara kienet il-kisba tat-tieni post fis-serje televiżiva Brillanti Musicals u reċentement kompliet it-taħriġ tagħha f’Londra fl-Identity School of Acting.
Il-produzzjoni hija mmexxija mid-direttur artistiku Christopher Gatt, filwaqt li l-orkestra se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro George Apap. It-tim kreattiv jinkludi wkoll lil Sylvana Attard bħala Chorus Mistress u lil Sarah Jane Zrinzo bħala Choreographer.
Din il-produzzjoni ta’ Singin’ in the Rain qed tkun sostnuta mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, MeDirect, Visit Malta u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Biex wieħed jixtri biljetti għal dan il-musical jista’ jidħol fis-sit eletrroniku tat-Teatru Astra www.teatruastra.org.mt



