Join Us On:

ĊENTINARJU STATWA TAL-QALB TA’ ĠESU U SEHEM IL-BANDA TAGĦNA FIL-FESTA

Is-sehem tal-Banda Ċittadina La Stella fil-festi tas-sajf ikompli nhar it-Tlieta li ġej bl-akkumpanjament tal-istatwa devota tal-Qalb ta’ Ġesu mill-Bażilika Ġorġjana sas-Santwarju tal-Fontana. Din is-sena l-istatwa sabiħa tal-Qalb ta’ Ġesu’ qed tfakkar il-mitt sena, kapulavur tal-istatwarju Wistin Camilleri. Biex jitfakkar dan l-anniversarju, l-istatwa se tkun qed tagħmel żjar fil-Bażilika Ġorġjana, li tibda illum. Il-programm għal dawn il-jiem li ġejjin huwa dan.

Illum ilo-Ħadd 4 ta’ Ġunju

7.00pm: Quddiem San Ġakbu, merħba mill-Kapitlu u mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ u timxi lejn il-Bażilika Ġorġjana b’devozzjoni u talb.

7.30pm: Merħba fil-Bażilika Ġorġjana u Barka Sagramentali.

Nhar it-Tlieta 6 ta’ Ġunju

Il-Banda Ċittadina u Dekana La Stella tilqa l-ħruġ solenni fil-bieb tal-Bażilika Ġorġjana u tibqa takkumpanja l-istatwa sas-Santwarju Parrokkjali ġewwa l-Fontana.

Ara d-dettaljli kollha fil-programm ta’ din iż-żjara maħruġ mill-parroċċa tagħna.

Naturalment is-sehem tagħna fil-festa tal-Fontana ikompli nhar it-18 ta’ Ġunju, nhar il-festa, fejn il-banda tagħna tilqa l-ħruġ tal-istatwa għall-purċissjoni solenni bid-daqq tal-Innu l-Kbir u l-Innu Popolari “Innu lill-Qalb ta’ Ġesu” ta’ Mro Sunny Galea u kliem ta’ Patri Akkursju Xerri Ofm (1968). Wara, il-Banda tagħna takkumpanja l-istatwa madwar it-toroq tal-Fontana.

Minn din il-paġna nixtiequ nawguraw il-festa ċentinarja t-tajba lill-Fontanin kollha.

Statwa tal-Qalb ta’ Ġesu bil-Bażilika Ġorġjana fl-isfond (Ritratt meħud mill-Facebook page
tal-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesu)